Ma jgħidx jekk il-Maġistrati talbux biex isiefru fuq xogħol

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li bil-liġi ma jistax jagħti informazzjoni, jekk Maġistrat li jkollu investigazzjoni f’idejh ikunx talab biex isiefer sabiex jaħdem fuq l-inkjesta.
Huwa qal dan b’risposta għad-domanda li ressaq id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, jekk hemmx Maġistrati li talbu biex isiefru sabiex jaħdmu fuq inkjesta.
Għalkemm Dr Azzopardi ma semma ebda Maġistrat b’ismu, dan l-aħħar kien qed jingħad li l-Maġistrat Aaron Bugeja, li qed imexxi l-inkjesta dwar il-każ tal-kumpanija Egrant fil-Panama, li qed jiġi allegat li hi ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, talab biex isiefer sabiex ikompli bl-investigazzjonijiet. L-allegazzjoni dwar Egrant kienet ġiet miċħuda kemm minn Joseph Muscat kif ukoll minn martu.
Fit-tweġiba tiegħu Dr Bonnici qal li mhux se jiċċekkja jekk il-Maġistrati qattx talbu biex isiefru għax ikun qed jimmina s-segretezza tagħhom.
Dr Azzopardi staqsa wkoll jekk espert tal-Qorti ingħatax transfer wara li kien parti mill-inkjesta. Min-naħa tiegħu Dr Bonnici qal li l-unika transfer li jaf bih huwa ta’ ħaddiem fil-Qorti, li kiteb fuq Facebook li ħa gost bir-rebħa Laburista fl-elezzjoni ġenerali.