Ma jeżistux konverżjonijiet sfurzati

Il-Gvern lokali ta’ Jharkhand, fit-Tramuntana tal-Indja, approva liġi li tipprojbixxi konverżjonijiet li jsiru għax ikunu sfurzati.  Kelliem għall-Gvern spjega  li kulmin jikser din il-liġi jista’ jkun kundannat sa tliet snin ħabs jew multa ta 50,000 rupee (€600) jew il-ħabs u l-multa flimkien.
Jharkhand hu s-seba’ stat Indjan li għamel liġi kontra l-konverżjonijiet sfurzati jew meħuda taħt pressjoni. Liġijiet simili diġa’ jeżistu fl-istati ta’ Madhya Pradesh, Chhattisgarth, Odisha, Gujarat, Maharashtra u Himachal Predesh.
Il-Kardinal Telesphore Toppo, Arċisqof ta’ Ranchi qal li “din il-liġi mhux qed tipprojbixxi l-konverżjonijiet, imma hi kontra l-konverżjonijiet sfurzati. Il-konverżjonijiet sfurzati ma jeżistux. Aħna nies liberi b’rieda u kuxjenza ħielsa u b’intelliġenza. Ħadd ma jista’ jisforza lil ħaddieħor biex jikkonverti”.
Il-Kardinal wera d-dispjaċir tiegħu għad-deċiżjoni tal-Gvern. “Għal snin twal kellna skejjel u kulleġġi, kliniċi u sptarijiet imxerrda mal-pajjiż kollu, li għenu lill-foqra, lill-abbandunti u lil dawk li ħassewhom oppressi. Ħadd mill-miljuni ta’ persuni li servejna matul dawn is-snin ma kienx imġiegħel  jikkonverti u jsir nisrani”.
Skont il-gazzetta “Times of India”, il-Gvern ta’ Jharkjand ħa din id-deċiżjoni wara li ħarġu r-riżultati ta’ ċensiment li kien sar fl-2011 li juri li minn popolazzjoni ta’ 35 miljunn persuna, 27% huma nies tribali, 4.3% insara u 14.53% huma musulmani. L- stess ċensiment wera li f’dawn l-aħħar 10 snin il-popolazzjoni Hinduista żdiedet b’21%, l-insara żdiedu b’29.7% u l-musulmani bi 28.4%.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ Jharkhand qal li  nies mit-tribujiet kienu mġiegħla jikkonverti fi kwantitajiet kbar u b’hekk inqatgħu mill-għeruq u t-tradizzjonijiet tagħhom.