Ma jemminx li Facebook monopolju, imħasseb dwar il-partiġjaniżmu fil-kumpanija

Il-fundatur ta’ Facebook, Mark Zuckerberg, qal lis-Senaturi tal-Kungress Amerikan li ma jemminx li Facebook għandu xi monopolju fis-suq tal-mezzi soċjali, u li mħasseb dwar il-partiġjaniżmu politiku fil-kumpanija tiegħu.
Dawn kienu wħud mit-tweġibiet li lbieraħ il-fundatur ta għall-mistoqsijiet li ngħata meta deher quddiem il-Kungress Amerikan, dwar l-iskandlu ta’ użu ta’ dejta mill-kumpanija Cambridge Analytica, dejta ta’ Facebook li allegatament in-nies ma kinux jafu li qed tittiħdilhom.
Zukcerberg dam mal-5 sigħat iwieġeb il-mistoqsijiet.
Qed jingħad li informazzjoni minn bejn 50 u 87 miljun profil intużat minn Cambridge Analytica sabiex tużaha ħalli tinfluwenza l-andament ta’ elezzjonijiet madwar id-dinja, fosthom dik presidenzjali tal-Istati Uniti, u Brexit.
Dan kollu kien inkixef minn ħaddiem ta’ Cambridge Analytica, Christopher Wylie, li llum tkeċċa u sar whistleblower.
Zuckerberg irrimarka wkoll li Facebook jinsab f’taqtiegħa kontinwa ma’ operaturi Russi li jippruvaw jisfruttaw l-informazzjoni li n-nies jagħtu fuq Facebook.
Żvela wkoll li Robert Mueller, li jmexxi l-Kunsill Speċjali li qed jinvestiga l-allegat indħil Russu fl-elezzjoni fl-Amerka fl-2016, investiga xi ħaddiema ta’ Facebook, għalkemm lil Zuckerberg ma kellmux.
Wieħed mis-senaturi, John Kennedy, qallu li ma jixtieqx li jkollu jirregola lil Facebook, imma jekk ikun hemm bżonn hekk jagħmel, għax, skont das-senatur, il-ftehim ta’ Facebook mal-utent dwar kif għandu jużah huwa “tal-qamel”.
Min-naħa tiegħu Zuckerberg wieġbu li l-kumpanija lesta taċċetta xi regolazzjoni, dejjem sakemm tkun regolazzjoni tajba.
Kollox idur ma’ waħda mill-ħafna apps fuq Facebook, jisimha This is Your Digital Life, maħluqa minn Aleksandr Kogan.
Qed jingħad li din l-app ħażnet l-informazzjoni mhux biss ta’ min użaha, iżda anki tal-ħbieb tiegħu fuq Facebook.
Din l-informazzjoni kollha mbagħad xtratha Cambridge Analytica, li qed tgħid li ma kinitx taf li d-dejta nġabret b’mod skorrett.
Min-naħa tiegħu, Facebook ukoll waħħal f’Kogan, għax qal li għalkemm tah il-permess jaċċessa l-informazzjoni, ma kellux permess ibigħha.