“Ma jeħtieġx li l-familja kollha tagħmel kwarantina” – Il-Gvern

Jekk persuna tkun qed tagħmel kwarantina fid-dar, m’hemmx bżonn li l-kumplament tal-familja tagħmilha magħha jekk il-persuna toqgħod ġo kamra waħda u tuża kamra tal-banju għaliha, mingħajr ma tagħmel kuntatt mal-bqija tal-familja.

Din l-informazzjoni ngħatat fuq is-sit elettroniku li l-Gvern ħoloq dwar il-coronavirus, sabiex jipprovdi lill-pubbliku bit-tagħrif kollu meħtieġ u biex jevitaw li l-pubbliku jimla rasu b’miti fuq il-virus.

Dawk li siefru f’wieħed mill-pajjiżi milqutin serjament mill-coronavirus għandhom jagħmlu kwarantina f’darhom għal 14-il jum meta jiġu lura Malta. Il-Gvern talab lil dawn in-nies biex jobdu din l-ordni ta’ kwarantina b’rispett lejn dawk ta’ madwarhom.

Dawn għandhom jiċċekkjaw it-temperatura tad-deni darbtejn kuljum. Mhuwiex permess li nies oħrajn iżuru lil dawk li jkunu kwarantina.

Is-sit elettroniku tal-Gvern jgħid li ladarba tintemm il-kwarantina, jekk dak li jkun ma jkun esperjenza l-ebda sintomi inkwetanti, jista’ jgħix ħajtu normali.

L-awtoritajiet tas-saħħa jirrakkomandaw li dan iż-żmien kwarantina jittieħed bħala opportunità biex wieħed jagħmel affarijiet li mhux soltu jsib ħin għalihom, u biex jipprova ma jqattax il-ħin kollu juża l-mowbajl, il-kompjuter jew jara t-televixin. Huwa rakkomandat li dak li jkun kwarantina jitkellem fuq il-coronavirus sabiex jifhem aħjar it-theddida li joffri.