Read in English.
L-Arċisqof Charles Scicluna awgura li ma jdumx ma jerġa’ jasal il-mument li fih iż-żgħażagħ jerġgħu jpoġġu bilqiegħda fejn in-nanniet u jisimgħu l-għerf veru tal-ħajja ta’ dawk li ġew qabilna.
Waqt l-omelija f’quddiesa li saret fil-Kappella ta’ Sant’Antnin f’Manoel Island, Scicluna stqarr li dan hu mument diffiċli, speċjalment għall-anzjani li minkejja t-teknoloġija, huma mweġġgħin għax imċaħħdin min-neputijiet tagħhom.
Il-ħsieb tal-Arċisqof illum kien imnebbaħ mill-ittra tal-Papa Franġisku dwar San Ġużepp.
Għal din il-quddiesa ġew mistiedna żewġ koppji: waħda li żżewġet is-sena li għaddiet u oħra li se tiżżewweġ is-sena d-dieħla. L-Arċisqof qal li San Ġużepp għaraf ir-rwol tiegħu u s-sagrifiċċji li jrid jgħaddi minnhom.
Huwa qal li ż-żwieġ hu l-għotja tal-persuna lill-oħra. Scicluna qal li ħafna żgħażagħ qed jagħżlu li ma jiżżewġux “għaliex mhux qed jogħġobhom dak li qed noffrulhom.” Scicluna qal li l-miżżewġin iridu jaħsbu fid-don tagħhom u s-sagrifiċċju hu l-prezz li wieħed irid iħallas minħabba li l-għotja li hi grazzja u mhux frustrazzjoni.