Ma jaqblux mal-bini ta’ dipartiment ġdid fl-Isptar Mater Dei

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, ma taqbilx mar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali li biex jitnaqqsu l-listi ta’ stennija fl-outpatients ta’ Mater Dei hemm bżonn bini ta’ dipartiment ġdid biswit l-Isptar Mater Dei.
Filwaqt li laqet ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar is-servizzi tal-outpatients fl-Isptar Mater Dei, il-MAM qalet li sentejn ilu, l-istess Assoċjazzjoni kienet qajmet il-punt li l-istennija fl-outpatients kienet se tibqa’ problema, bil-pazjenti jkollhom jistennew madwar sena biex jieħdu l-ewwel appuntament.
Fi stqarrija qalet li sfortunatament dan ġie kkonfermat fir-rapport.
Fil-jiem li għaddew, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei waqqaf tim li mistenni jidentifika u jimplimenta azzjoni li tista’ sservi biex jitnaqqsu l-listi ta’ stennija.
Il-MAM ikkjarifikat numru ta’ punti oħra kif ippubblikati mill-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu.
Fosthom dawk dwar proċedura kif pazjent jiġi referut lill-ispeċjalisti f’Mater Dei, in-nuqqas ta’ konsulenti fl-Isptar u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-ftehim kollettiv bejn il-MAM u l-Gvern.
Il-MAM qalet ukoll li l-investiment mill-privat bħala soluzzjoni għall-istennija twassal biss biex l-amministrazzjoni tal-isptar ikollha inqas fondi.