Ma jaqblux jekk Malta hix ippreparata għall-GDPR

gdpr

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni ma qablux dwar jekk Malta hix ippreparata biżżejjed għad-dħul ta' regolamenti ġodda dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali.
Għalkemm illum il-Parlament approva l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data minn stadju tat-tieni qari, dan sar biss lejlet l-introduzzjoni tar-Regolamenti Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) madwar l-Ewropa inkluż f’Malta.
Fl-għeluq tad-diskussjoni, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista qal li l-Gvern jinsab ippreparat għall-introduzzjoni tal-GDPR. Huwa qal li l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data ssaħħaħ u ġie appuntat deputat kummissarju għall-ewwel darba.
Fatt li ilmentat dwaru d-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fid-diskors tagħha hu li r-regolamenti ilhom jinħmew sentejn iżda qalet l-Gvern ma sabx żmien biżżejjed biex jiddiskutihom fil-Parlament. 
Staqsiet lill-Gvern minn liema taħrig għadda s-settur pubbliku biex jipprepara ruħu u kif dawn ir-regoli se jaffettwaw firxa wiesa’ ta’ entitajiet tal-Gvern u anki tal-privat.
Buttigieg talbet lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data biex jinvestiga l-każ riċenti fejn dawk li se jattendu l-kunċert tal-Isle of MTV intalbu jirreġistraw onlajn. Talbet ukoll lill-Gvern biex jgħid x’se jkun qed jagħmel b’din id-data u jekk hux se jużahom għal gwadann politku.