Owen Bonnici jgħid li se jinvestiga l-każi ta’ dawk b’iktar minn ID card waħda

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi qal fil-Parlament li lest li jinvestiga personalment kull każ ta’ persuni li għandhom iktar minn karta tal-identità waħda.
Appella wkoll lid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami biex imur fl-uffiċċju tiegħu bil-lista tal-persuni li qed jgħid li għandhom iktar minn karta tal-identità waħda u jiddiskutuhom fil-preżenza ta’ uffiċjali ta’ Identity Malta. Stqarr li mbagħad jeħodhom f’idejh u jinvestigahom.
Waqt id-diskussjoni, saħnet il-qiegħa fil-Kamra tar-Rappreżentanti, fejn iddominaw il-botta u risposta bejn il-Ministru għall-Ġustizzja li hu responsabbli minn Identity Malta u d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Fost l-oħrajn irribattew lil xulxin dwar jekk il-barranin jistgħux jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.
Filwaqt li Fenech Adami saħaq li mhux il-barranin kollha jistgħu jivvutaw, il-Ministru Bonnici saħaq li min mhux Malti ma jistax jivvota fl-elezzjoni ġenerali, sakemm ma jkollux ċittadinanza doppja.
Beppe Fenech Adami sostna li Identity Malta għandha kriżi. Madanakollu, Owen Bonnici stqarr li dak li qed jgħid Fenech Adami mhux minnu u li Identity Malta m’għandha l-ebda kriżi, li ma saret l-ebda inkjesta jew laqgħat urġenti.
Saħaq li m’hemmx kriżi għax kien hemm każ wieħed ta’ karta tal-identità doppja, li nġibdet l-attenzjoni għalih u ġie kkoreġut.
Fl-istess waqt, il-Ministru qal li bħalma dejjem jiġri, jekk fir-Reġistru Elettorali jkun hemm nies li m’għandhomx ikunu hemm, hemm il-proċeduri biex jitnaddfu.