Ma jaqblux jekk hux jacuzzi jew ingwent

Filwaqt li l-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) qed takkuża lill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) li qed tmur kontra sentenza tal-Qorti  dwar każ li jinvolvi jacuzzi, is-CRPD qed tgħid li l-kwistjoni kollha tikkonċerna ingwent.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li tinsab urtata li s-CRPD qed tmur kontra s-sentenza tal-Qorti fil-każ tal-Learning Support Educators.

Il-każ huwa dwar l-użu tal-jacuzzi fiċ-ċentru tar-Riżorsi Helen Keller, u skont l-MUT il-Qorti imponiet miżuri ta’ saħħa u sigurtà għal kull min jagħmel użu minn dan il-jacuzzi.

L-MUT spjegat li s-sentenza tal-Qorti kkonfermat dak li kienet tgħid, li ma kienx hemm aktar ħtieġa ta’ direttivi li jipproteġu lill-edukaturi u l-istudenti li jagħmlu użu mill-faċilità.

L-MUT qed iċċaħħad lil studenti minn ingwent – CRPD

Aktar tard, is-CRPD qalet li l-MUT qed tibqa’ ċċaħħad lil studenti inkontinenti mill-ingwent li jipprevjeni selħ u infezzjonijiet tal-ġilda.

Skont is-CRPD, l-istudenti ta’ Helen Keller għandhom bejn 13 u 22 sena. Bosta minnhom jilbsu ħarqa u jkollhom jindilku minn ingwent li ma fihx aġenti mediċi.

Is-CRPD qalet li xi ġenituri lmentaw li xi edukaturi qed jirrifjutaw li jidilku lil uliedhom b’dan l-ingwent. Żiedet tgħid li l-MUT naqset milli tagħti pożizzjoni pubblika dwar dan.

Skont is-CRPD ma kien hemm l-ebda kawża li nfetħet fil-Qorti.

Fi Frar, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) bniet storja fuq l-ineżattezzi u minħabba f’hekk tat direttivi li se jaffettwaw negattivament lit-tfal fil-bżonn li jattendu l-Iskola Helen Keller.

L-MUT qalet li l-Qorti kkonkludiet li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà ma tistax iżżomm lill-Unjin milli toħroġ direttivi lill-ħaddiema f’dan iċ-Ċentru tar-Riżorsi.