Ma jaqblux hux favur jew kontra t-taxxa armonizzata

Il-Partit Nazzjonalista wera t-tħassib tiegħu għall-kummenti ta’ Gvernatur tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) fejn qal li Malta mhix kontra l-armonizzazzjoni tat-taxxa, filwaqt li talab lill-Gvern jiċċara l-pożizzjoni tiegħu.
Il-Gvern wieġeb fil-pront u qal li l-pożizzjoni ta’ Malta kontra t-taxxa armonizzata ma nbidlitx filwaqt li qal li Malta ma tistax taqbel ma’ proposta ta’ one-size-fits-all. Il-Gvern fakkar kif li l-Awtorità hija entità indipendenti.
It-taxxa armonizzata tfisser li tiddaħħal sistema ta’ taxxa komuni fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Partit Nazzjonalista kkwota sentenza minn artiklu li deher f’gazzetta lokali fejn Gvernatur fuq il-bord tal-MFSA Frans Camilleri qal li “Malta mhix kontra l-armonizzazzjoni tat-taxxa, anzi aħna favuriha”.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Frans Camilleri wasslet lill-kelliem tal-Oppożizzjoni Mario De Marco biex jistaqsi lill-Gvern jiċċara l-pożizzjoni tiegħu u jgħid ukoll li se jopponi kull mossa biex tiddaħħal sistema komuni ta’ taxxa fl-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, il-Gvern qal li t-taxxa armoniazzata tista’ tpoġġi f’periklu s-servizzi finanzjarji u għaldaqstant il-Gvern qal li se jibqa’ jaħdem biex iħares l-interessi ta’ Malta.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista nnota li l-pożizzjoni ta’ Malta minn dejjem kienet kontra l-armoninzzazzjoni tat-taxxa u qalet li din il-politika kienet adottata minn gvernijiet differenti irrispettivament minn liema partit ikun fil-Gvern.
Il-Gvern talab lill-Oppożizzjoni tikkjarifika wkoll, il-pożizzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej tagħha.
"Dejjem iddefendajna s-sovranità tat-taxxa Maltija" – il-MPE Nazzjonalisti
Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista qalu fi stqarrija li dejjem ivvutaw biex jiddefendu s-sovranità tat-taxxa Maltija.
David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech qalu dan irrispettivament minn dawk li skont huma qed jivvinta Silvio Schembri, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji.