Ma jaqblux fuq ir-revoka elettronika tal-prokuri u l-mandati

L-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni Parlamentari biex jiġi emendat l-Avviż Legali li, fost l-oħrajn, introduċa r-revoka b’mezzi elettroniċi tal-prokuri u l-mandati.
Dan hekk kif fil-jiem li għaddew, il-Kelliema għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, il-Kelliema għall-Ekonomija Claudio Grech u l-Kelliema għall-IT Kristy Debono ressqu mozzjoni biex l-Avviż Legali 404 tal-2016 jiġi emendat fl-interess tal-pubbliku biex ma jkunx espost għal danni bla bżonn.
L-Oppożizzjoni qalet li minkejja li l-għan wara l-Avviż Legali hu tajjeb u hu mmirat biex jiffaċilita l-ħajja ta’ dawk li jagħmlu prokuri b’mod frekwenti, dan l-Avviż Legali jmur direttament kontra l-Att dwar il-Kummerċ Elettroniku.
Barra minn hekk, wara l-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Liġi tal-IT kitbet lill-Ministru tal-Ġustizzja u wriet it-tħassib serju tagħha.
Dan hekk kif l-Att dwar il-Kummerċ Elettroniku ma jipprovdix għal revoka tal-prokuri u mandati b’mezzi elettroniċi u apparti hekk, dan l-Avviż Legali fetaħ it-triq għal terzi persuni biex ikunu jistgħu jattakkaw il-validità legali ta’ revoka ta’ mandat jew prokura li tkun saret b’mod elettroniku.
Reazzjoni Gvern:
F’reazzjoni, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qal li huwa ta’ għajb kif l-Oppożizzjoni qed tiżra’ d-dubji fuq proċedura ġdida li ntlaqgħet tajjeb ħafna.
Saħaq li permezz tal-proċedura l-ġdida, dak li qabel kien jiswa €2,000, liema proċedura kienet burokratika u arkajka, issa ġie jiswa €50.
Barra minn hekk l-Uffiċċju tan-Nutar Ewlieni tal-Gvern se jkollu l-irwol li jipproċessa r-revoki ta’ prokuri u joħloq reġistru onlajn b’informazzjoni dwar prokuri li ġew revokati, liema reġistru se jkun aċċessibbli għall-partijiet interessati.
Ritratt: Ian Noel Pace