Ma jafx min seta’ ħaraqlu l-karozza

Sid il-karozza li sfat maħruqa f’Novembru li għadda qal fil-Qorti li ma jafx min seta’ ħaraqlu l-karozza tat-tip Mercedes li kienet ipparkjata fil-Belt Valletta.

Fil-Qorti r-raġel qal li huwa ma kellu argumenti ma’ ħadd u għalhekk ma kellu l-ebda suspett. Ir-raġel spjega li huwa minn Bormla u fil-lejl tal-10 ta’ Novembru kien qiegħed għand is-sieħba tiegħu li toqgħod il-Belt Valletta. Żied li matul dak il-lejl huwa sema’ ħafna għajjat ġej minn barra u ħareġ jittawwal biex jara x’inhu jiġri.

Ir-raġel kien qed jixhed kontra mara ta’ 29 sena mill-Belt Valletta u ġuvni ta’ 31 sena. It-tnejn qed jiġu akkużati li qabdu u kkawżaw danni fuq il-karozza Mercedes kif ukoll fuq karozza oħra li kienet ipparkjata ħdejha.

Sid il-karozza l-oħra qal li l-karozza tiegħu ġiet iddikjarata total loss u s’issa għadu ma ħa l-ebda kumpens mill-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħu. Sid il-karozza qal ukoll li huwa sofra diversi ħsarat fil-garaxx tiegħu minħabba li l-karozza kienet ipparkjata quddiemu.

Il-Pulizija li huwa stazzjonat fil-Belt Valletta qal li l-filmati tas-CCTV wrew li l-mara kienet qed issegwi dak li kien qed jiġri mill-gallarrija tagħha. Il-filmati juru li l-mara kienet fil-gallarija ftit qabel is-2am kif ukoll għall-ħabta tat-3am.

Il-Pulizija qal li f’dan l-att kriminali kienu involuti tlitt irġiel u żewġ nisa, u wieħed mill-irġiel ikkopera mal-pulizija u qalilhom li l-mara akkużata kienet irringrazzjat lill-akkużat l-ieħor talli għenha.

Il-mara ngħatat il-libertà proviżorja iżda din ġiet irrevokata fil-Qorti tal-Appell il-Ħamis li għadda. Il-mara reġgħet ingħatat il-ħelsien mill-arrest wara li xehdu n-nies pajżana kkonċernati f’dan il-każ. L-akkużata ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq l-istess kundizzjonijiet li diġà kellha.

Ir-raġel ta’ 31 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ommu qalet fil-Qorti li kienet lesta li żżommu jgħix magħha. Huwa spjega wkoll li bħalissa qiegħed f’kuntatt mal-Aġenzija Sedqa sabiex jindirizza l-problema tad-droga.

Il-Qorti widdbet lill-akkużat ta’ 31 sena biex jobdi l-ordnijiet tal-Qorti. Huwa ġie ordnat li jiffirma l-bail book kuljum kif ukoll iżomm mal-curfew. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €700 u garanzija personali ta’ €7,000. Il-każ ikompli fit-12 ta’ Marzu.