Read in English.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Nerik Mizzi ma kienx jaf jobgħod u kien patrijott li jħobb lil pajjiżu. Delia qal dawn il-kliem fost kliem ieħor ta’ tifħir li bihom iddeskriva lil Nerik Mizzi f’wirja li qed tittella fid-Dar Ċentrali bħala parti mill-festi tal-Indipendenza.
Delia spjega kif il-viżjoni ta’ Fortunato Mizzi, segwita minn dik ta’ ibnu Nerik Mizzi fissret “rivoluzzjoni li wasslet għal evoluzzjoni ta’ bidliet soċjali u kulturali importanti ħafna fis-soċjetà”.
“Il-PN għandu jgħix il-valuri tal-fundaturi”
Fil-messaġġ tiegħu, Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għandu mhux biss inħarsu l-legat tagħhom iżda li jkompli jgħix il-valuri li tal-fundaturi.
Huwa semma kif fi tliet punti importanti, l-PN għandu jagħmel dan fosthom billi jħares id-demokrazija u l-libertà li qal li jeħtieġu ħarsien kontinwu. It-tieni semma wkoll il-korruzzjoni istituzzjonalizzata u t-tielet il-ħtieġa dwar l-għaqda u li l-Partit Nazzjonalista jiġġedded.
Delia rringrazzja lil Richard Muscat għas-sehem tiegħu fil-ħidma fil-Fondazzjoni f’ġieħ Fortunato u Nerik Mizzi li organizzat din il-wirja.