“M’hemmx ‘bużżieqa’ fis-suq tal-proprjetà”

L-industrija tal-kostruzzjoni hija sinifikanti u wieħed irid jieħu ħsiebha anke għax tolqot bosta individwi u setturi importanti oħrajn bħall-banek. Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Finanzi il-Professur Edward Scicluna waqt l-għeluq tal-‘Konferenza Nazzjonali dwar l-Analiżi tal-Proprjetà u l-Industrija tal-Kostruzzjoni’ organizzata minn Property Malta.
Il-Ministru qal li l-indikaturi kollha juru li fil-qasam tal-proprjetà ma hemmx ‘bużżieqa’, filwaqt li sostna li hemm sitwazzjoni ta’ domanda qawwija għall-proprjetà u s-suq qed jirreaġixxi billi qed jinbnew aktar djar.
Hu tkellem ukoll dwar il-kiri li skontu wieħed irid iżommu il-perspettiva li f'Malta 84% huma sidien ta’ darhom u huma 16% biss il-Maltin li jikru.
Qal li minkejja l-persentaġġ huwa żgħir, il-Gvern għaddej bi skemi biex ħadd ma jintlaqat ħazin mis-suċċess.
Meta tkellem dwar iż-żieda fil-prezz tal-proprjetà, il-Ministru qal li minkejja dak kollu li jintqal f’dan ir-rigward, skont l-Alert Mechanism tal-Kummissjoni Ewropea, kien hemm għaxar pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li qabżu it-treshold ta’ 6% żieda fil-prezzijiet tagħhom. Malta, bir-rata ta’ 4.8% ma kinetx fosthom.
Il-Ministru qal li minkejja dan kollu, il-Gvern permezz tal-budget, ra li tingħata għajnuna fejn teħtieġ u semma bosta skemi soċjali u tkellem dwar l-iskema tas-second-time buyers li mistennija tgħin lil dawk l-anzjani li jridu jbiegħu dar kbira u jixtru xi ħaġa iżgħar u bil-kontra, fejn jidħlu koppji żgħażagħ li jixtiequ jkabbru darhom meta tibda tikber il-familja.
Il-Ministru Edward Scicluna temm iħeġġeġ lill-organizzaturi tal-konferenza biex din id-diskussjoni titkompla fuq bażi regolari.
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo