“Ma hemm l-ebda sentiment ikrah bejni u bejn Miss Sliema” – Nicole

Ritratt: Facebook/NicoleAgius

Wara li Natalya Galdes kitbet pubblikament dwar dak li ġara fil-finali ta’ nhar il-Ġimgħa tal-Miss Malta, ikkuntattjajtna Nicole Agius, li ngħatat it-titlu ta’ Miss Republic of Malta, li sal-Ġimgħa kien f’idejn Natalya li rrappreżentat il-lokalità ta’ Sliema.

“Minn dak li ġara l-lejl li għadda rrid nesprimi dak li qed inħoss hekk kif nemmen li qatt ma sibt iċ-ċans. Li ma smajtx ismi fuq il-palk ma kinitx xi ħaġa daqstant gravi. Xtaqt nimxi ‘l quddiem f’din il-kompetizzjoni imma ħadtha b’mod matur ħafna u fraħt lit-tliet rebbieħa,” bdiet biex tgħidilna.

Hija qaltilna li aċċettat ir-riżultat ta’ nhar il-Ġimgħa kif kien u qalet lilha nfisha li ma kienx il-waqt tagħha li tirbaħ titlu f’din il-kompetizzjoni.

Kompliet tgħid li ma kienitx taf x’qed jiġri sakemm irċeviet telefonata mingħand Kersten, id-direttur ta’ Miss Malta.

Hija rrakkontat li meta marru għand in-nutar u qalulha x’ġara riedet tara l-provi kollha għax bl-ebda mod ma riedet tieħu l-kuruna mingħand xi ħadd jekk ma kienitx se tara l-affarijeit kif tassew kienu.

“Jien tajt permess biex Miss Sliema tara l-punti tiegħi sabiex ma jkunx hemm sentimenti iebsin bejnietna, imma ovvjament nippretendi dak li hu tiegħi għax jien ħdimt iebes ħafna bħall-kontestanti l-oħra,” ikkummentat hi waqt li saħqet li kieku d-diretturi ma keinux professjonali ma kienux se jirremedjaw l-iżball u kienu jżommu kollox sigriet.

“L-unika ħaġa li ninsab imdejjqa dwarha hija li ma smajtx ismi fuq il-palk. Il-ġenituri tiegħi ma rawniex fuq il-palk nirbaħ it-titlu,” qalet it-tfajla.

“Mhux xi ħaġa sabiħa li nieħu titlu ta xi ħadd ieħor u nħossni ddispjaċuta għal Miss Sliema u nawguralha l-aħjar u s-suċċess kollu fid-dinja peress li hi mudella sabiħa ħafna b’talent,” temmet fl-istqarrija li Nicole Agius bgħatitilna.