“Ma ħallejtx lil Malta tiġi użata minn grupp razzist” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li b’responsabbiltà konxja l-Gvern ma ħalliex lil Malta tiġi użata mill-bastiment C Star tal-organizzazzjoni Defend Europe, li fi kliemu huwa razzist u kważi nazzist.
Dan il-bastiment deskritt mill-Kummissjoni Ewropea bħala “l-bastiment tal-mibegħda”, għamel xi żmien wieqaf ftit ‘il barra mill-ibħra Maltin.
Waqt intervista fuq One Radio, Joseph Muscat saħaq li filwaqt li Malta għandha politika ċara dwar l-immigrazzjoni li tieħu ħsieb is-sigurtà u l-fruntieri tagħha, tenna kemm-il darba li Malta ma tridx li jkollha x’taqsam ma’ dawn l-organizzazzjonijiet għax ma jirrappreżentawx lil Malta.
Dr Muscat tkellem ukoll dwar l-ekonomija u qal li għaddejja b’ritmu tajjeb. Spjega li l-Gvern se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet biex isarrfu f’aktar xogħol, investiment, u ħidma fl-oqsma soċjali.
Huwa tkellem ukoll dwar il-Partit Nazzjonalista u qal li jidher ċar li min kien negattiv matul il-kampanja elettorali u prova jniżżel lil Malta miegħu baqa’ ma tgħallimx li l-gideb ma jwasslek imkien.
Stqarr li minflok il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil warrab u ħalla lil ħaddieħor jiddeċiedi jekk iridx jibdel id-direzzjoni tal-Partit, huwa għażel li jibqa’ hemm biex jiddetta d-direzzjoni hu, liema direzzjoni firdet lill-Oppożizzjoni.
Temm jgħid li huwa inkwetanti li l-PN qiegħed f’din il-qagħda għax Malta teħtieġ Oppożizzjoni b’saħħitha u pożittiva biex tiskrutinja lill-Gvern.
Ritratt: arkivji