Ma ħallasniex ċenteżmu żejjed għall-VGH – Il-Gvern

Il-Gvern qal li ma tħallsux flus żejda lill-kumpanija VGH.
Fi stqarrija b’risposta għal dak li ġie rrappurtat fil-gazzetta Times of Malta, il-Gvern sostna li l-ħlasijiet li saru kienu “skont il-kuntratt”.
Id-Dipartiment tas-Saħħa ppreċiża li l-flus imħallsa mill-Gvern lill-kumpanija Vitals Global Healthcare matul is-snin 2016 u 2017 huma skont it-termini maqbula fil-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u VGH.
Ir-rapport fil-gazzetta Times of Malta jindika li l-Gvern irdoppja l-ħlasijiet lill-VGH minn €16.5 miljun li kienu diġa tħallsu matul l-2017 għal €18 miljun żejda li ġew approvati fil-Parlament fit-18 ta’ Diċembru, jiem biss qabel tħabbar il-bejgħ ta’ Vitals Global Healthcare lil Steward Healtcare.
Il-gazzetta tispeċifika li dawn id-dettalji ħarġu minn dokumenti parlamentari dwar il-vot tal-baġit għal din is-sena.
Minħabba li l-istess kuntratt fih numru sostanzjali ta’ paġni maqtugħha, Newsbook.com.mt ma setax jikkonferma li l-ħlasijiet saru skont dawn it-termini maqbula fl-2015 meta l-isptarijiet għaddew għand VGH.