​“Ma ħadniex sussidju tal-Gvern għal TVPM”

Id-Dar tal-Produzzjoni, DeeMedia.tv Ltd tiċħad li rċeviet sussidju mill-PBS għall-programmi li kellha fuq l-istazzjon nazzjonali bejn Ottubru 2014 u Ġunju 2015.
Ma’ Newsbook.com.mt, id-Direttur tad-DeeMedia.tv Nick de Giorgio kien qed jirreaġixxi għal-lista provduta lil Newsbook.com.mt mill-PBS, li turi li ngħataw man-nofs miljun ewro għall-programm fuq TVM.
Żied jgħid li l-programm TVPM li kien jixxandar kuljum, ma kienx ikkwalifika bħala programm taħt l-iskema EPSO (jiġifieri programmi ta' servizz pubbliku li jieħdu s-sussidju) u li għaldaqstant ma kellux ikun fil-lista, li ntbagħtet lil Newsbook.com.mt mill-PBS.
De Giorgio kompla jispjega li l-programm TVPM kien programm bejn DeeMedia.tv u l-PBS u li l-qligħ sar permezz tar-reklamar u mhux b’sussidji.
Il-ġimgħa li għaddiet, Newsbook.com.mt ippubblika l-lista ta’ programmi li bbenefikaw mis-sussidju tal-Gvern għall-programmi, bejn Ottubru 2014 u Settembru 2015.
Ir-rapport ta' Newsbook.com.mt spjega li ċ-ċifri murija mhux bilfors li jkunu ttieħdu mill-produtturi, peress li ċ-ċifri murija jiġbru flimkien kemm dak li jieħu l-produttur (jekk ikun tħallas) kif ukoll l-ispejjeż indiretti li tagħmel il-PBS.
Reporter huwa l-aktar programm ta’ diskussjoni li fuqu l-PBS tonfoq l-aktar mis-sussidju tal-Gvern għall-programmi. Fil-kategorija tad-drama l-aktar li tibbenefika hija s-sensiela Ħbieb u Għedewwa.
Kull sena l-Gvern jagħti lill-PBS somma ta’ flus biex jintużaw għall-programmi ta’ servizz pubbliku. Fost dawn insibu d-drama bil-Malti, programmi tat-tfal, programmi ta’ diskussjoni, dokumentarji, programmi reliġjużi u dawk ta’ tagħrif ġenerali.
B’kollox, bejn Ottubru 2014 u Settembru 2015 il-Gvern ta mal-€3.5 miljun f’sussidju għall-programmi ta’ TVM.
Tista' tara l-lista sħiħa hawn.