“Ma għażilniex lil George Vella għax Laburist” – Muscat

PL

Il-Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat sostna li l-Gvern ma għażilx li jipproponi lit-tabib George Vella bħala l-President il-ġdid tar-Repubblika għax ġej mill-kamp tal-Partit Laburista, iżda għax huwa “l-għażla naturali”.

Hu u jitkellem waqt attività politika fl-Imsida, Muscat irringrazzja lill-President Marie-Louise Coleiro Preca għax-xogħol kollu li għamlet u l-legat li se tħalli warajha. Sostna li meta wasal sabiex jinnomina l-persuna li kienet se tieħu dan l-irwol importanti għall-pajjiż, l-isem ta’ Vella kien wieħed mill-aktar li ssemma, irrispettivament mil-liema lat politiku l-persuni li tkellem magħhom kienu ġejjin.

Muscat insista li Vella kien wieħed minn dawk il-politiċi li qatt ma ġera wara l-poter, u saħansitra spjega li kien wieħed minn dawk li meta ġiet offerta lilu t-tmexxija tal-Partit Laburista, irrifjuta milli jagħmel dan. Spjega kif minkejja li l-oppożizzjoni qajmet numru ta’ punti ta’ kritika, xorta se tkun qed tivvota favur li t-tabib Vella jieħu din il-kariga.

 “Is-sena d-dieħla l-pensjonijiet se jerġgħu jiżdiedu”

Muscat qal ukoll li grazzi għal mod kif qed tikber l-ekonomija tal-pajjiż, fil-baġit ta’ Ottubru li ġej, il-Gvern Laburista se jkun qed jerġa’ jżid il-pensjonijiet. Sostna li dan wara li l-ekonomija Maltija, s-sena li għaddiet reġgħet kibret b’6.6%, bil-pajjiż jipproduċi €12.3 biljuni f’ġid.

“L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa ma teżistix”

Minkejja l-avvanzi, Muscat sostna li f’Malta, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għadha ma teżistix. Irrimarka kif il-pajjiż mexa ‘l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mad-dinja tax-xogħol hekk kif aktar nisa qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol prinċiparjament minħabba ċ-child care b’xejn. Sostna li minkejja dan, iċ-child care b’xejn mhux qed jingħata bħala għajnuna għall-mara, imma qed jingħata biex jgħin lill-ġenituri, għax it-tfal huma r-responsabbiltà tat-tnejn li huma.

Taħt Joseph Muscat in-nisa spiċċaw fost l-agħar fl-Ewropa – PN

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat, il-PN qal li Muscat qal li l-ugwaljanza f’Malta teżisti fuq il-karta, u nesa jgħid li taħt it-tmexxija tiegħu mhux talli ma sar xejn biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet tan-nisa, imma llum Malta tinsab fost l-agħar fl-Ewropa.

“Huwa inaċċettabbli li wara l-wegħda ta’ Joseph Muscat, li se jkun l-aktar Gvern femminista, r-realtà hija li l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha ‘l bogħod. In-nisa Maltin u Għawdxin jistħoqqilhom ħafna u ħafna aħjar.”