Ma fadalx Maltin fl-Ambaxxata Maltija fi Tripli

L-Ambaxxata Maltija fi Tripli għadha miftuħa, iżda hu mifhum li ma fadalx ħaddiema Maltin fiha.
L-ambaxxatur Malti għal-Libja, Mannie Galea, baqa’ Malta wara l-laqgħa tal-ambaxxaturi li ntemmet il-Ġimgħa filgħodu.  
Ma’ Newsbook.com.mt, huwa qal li ma setax imur lura Tripli wara li l-ajruport tal-belt ingħalaq minħabba tħassib dwar is-sigurtà.
Sorsi qalu li l-assistenta tal-Ambaxxatur Malti tinsab Malta wkoll wara li rritornat minn btala u ma setgħetx tmur lura Tripli.
Iktar minn 350 persuna Maltija tgħix il-Libja. Sorsi qalu li wħud minn dawn il-Maltin u l-qraba tagħhom huma mgħaddba li ‘tħallew weħidhom’ mill-Ambaxxata.
Maltin li jinsabu Tripli u li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li qed ikun diffiċli ħafna biex jaqbdu l-Ambaxxata bit-telefon, minħabba li ħafna drabi s-servizz ikun maqtugħ.  
Il-kelliema għall-Ambaxxata qalet iżda li qed isir kuntatt mal-Maltin fil-Libja biex ikun magħruf għandhomx bżonn għajnuna. Dan minkejja li s’issa, għadha ma nħarġitx ordni biex jiġu evakwati.
Is-sorsi qalu li fil-kriżi ta’ tliet snin ilu, kemm fil-Libja kif ukoll fit-Tuneżija, l-uffiċjali Maltin kienu l-aħħar li telqu mill-pajjiż.
F’nofsinhar illum, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella mistenni jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru tiegħu, dwar is-sitwazzjoni fil-Libja.