Ma’ Diċembru wasal ukoll…

Qed joqrob. Kważi wasal. Għandek biżżejjed tiżjin? Xtrajt ir-rigali ta’ kulħadd? X’taqbad tagħtiha lill-kunjata? Kif se nixtri b’mod għaqli? Ktibtha l-lista lil Santa Klaws?
Dawn huma wħud mill-ħsibijiet li mal-bidu ta l-aħħar xahar tas-sena jiddominaw moħħ kulħadd.
Hekk kif fadal biss ftit ġimgħat għal Milied, preċiżament 24 jum, xorta qatt mhu tard wisq biex wieħed jibda jipprepara għall-festa l-aktar mistennija madwar id-dinja.
It-tiżjin fit-toroq diġa inxtegħel, il-presepji fuq ir-roundabouts armati, l-istazzjonijiet tar-radju mil-lum bdew idoqqu d-diski tal-Milied b’mod uffiċċjali u l-preparazzjonijiet għall-Avvent li jibda jumejn oħra kważi lesti.
Iddominat mir-rigali, tiżjin, riċetti, safar, vaganzi u kesħa Malta diġa tista’ tgħid li daħlet fl-ispirtu tal-Milied.
Għal ħafna l-Milied ma jkunx wasal sakemm ma jagħmlux xi pudina bla xaħam jew jekk ma jmorrux jaraw xi pantomima.
Pero tajjeb li nżommu f’moħħna li l-Milied żgur ma kienx jasal kieku 2017 sena ilu f’għar ċkejken f’Betlehem ma twelditx tarbija speċjali, liema aħbar San Ġwann semma fl-14-il vers fl-ewwel kapitlu tiegħu. Verbum Dei Caro Factum Est, l-iben t’Alla sar bniedem.