Ma ddikjarawx aktar minn €21,000; arrestati fl-ajruport

Ħaddiema tad-Dwana mit-tim kontra l-ħasil tal-flus sabu flus kontanti mhux iddikjarati matul l-operazzjonijiet ta’ rutina fl-Ajruport Internazzjonali Malti. Il-flus instabu fuq żewġ passiġġieri li kienu se jitilqu Malta fuq l-istess titjira.

Iż-żewġ ċittadini Eġizzjani kienu qed iġorru €21,570 f’diversi pakketti moħbija fil-bagalji tagħhom. Il-passiġġieri kienu fi triqthom lejn l-Eġittu permezz ta’ Istanbul. Huwa qalu li l-flus kienu s-salarji tal-kollegi tagħhom. Iż-żewġ passiġġiera twaqqfu fl-ajruport u tpoġġew taħt arrest mill-Pulizija kontra Reati Ekonomiċi sakemm issir l-investigazzjoni. Skont stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tad-Dwana, l-passiġġiera huma mistennija li jitressqu quddiem il-qorti llum.

Skont il-liġi Ewropea, passiġġier li jġorr aktar minn €10,000 fi flus kontanti huwa obbligat li jiddikjarahom lid-Dwana qabel ma jivvjaġġa. Jekk wieħed jonqos milli jagħmel dan, jiġi mmultat u arrestat.