“Ma’ dawk abbandunati dalwaqt inżidu l-ħajjiet iffriżati”

knisja.org/ritratti

Il-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi stqarr li huwa ta’ niket, li ma’ dawk abbandunati, minn hawn u ftit ieħor, se jiżdiedu “dawk il-ħajjiet umani ffriżati għal snin twal, li forsi xi darba tmisshom ix-xorti li jiġu aċċettati minflok skartati”.

Waqt l-omelija tiegħu lbieraħ filgħaxija fil-Festa tal-Madonna tal-Abbandunati fil-Wardija, il-Vigarju semma lista ta’ persuni abbandunati fosthom dawk ippersegwitati, tfal abbandunati minn min suppost jieħu ħsiebhom, anzjani abbandunati minn qrabathom, u dawk li qalbhom tingħafas għax m’hemm ħadd li jurihom imħabba u attenzjoni.

Kien hawnhekk li rrefera għall-embrijuni ffriżati, fid-dawl tal-vot finali li se jittieħed fil-Parlament nhar it-Tlieta li ġej, dwar l-emendi proposti mill-Gvern fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Mons. Galea Curmi saħaq li “waħda mill-iktar esperjenzi koroh fil-ħajja hi l-abbandun – li xi ħadd ikun skartat”. Fakkar li anke l-Papa Franġisku jitkellem dwar il-kultura tal-iskart li tisfrutta lin-nies.

“Is-629 persuna ntlaqgħu minn Marija tal-Abbandunati”

Il-Vigarju Ġenerali semma wkoll li s-629 immigrant li ġew abbandunati bejn sema u ilma fuq l-Aquarius intlaqgħu f’Valencia, belt fi Spanja li l-patruna tagħha hija Marija tal-Abbandunati.

“Mhix ironika li l-port ta’ kenn li ġie offrut lilhom hu propju ġewwa Valencia, il-post fejn il-patruna hi Sidtna Marija tal-Abbandunati?” staqsa l-Vigarju Ġenerali.

Irrimarka li min kellu l-obbligu li jilqagħhom ma laqagħhomx u sabu ruħhom mingħajr port ta’ kenn għal snin sħaħ.

Mons. Galea Curmi qal li l-kwadru li hemm fil-knisja huwa kopja ta’ xbieha bit-titlu ‘Nuestra Senora de los Desamparados’ (Marija tal-Abbandunati) li hi meqjuma bħala l-patruna ta’ Valencia.

knisja.org/ritratti

Qal lil dawk preżenti li dawn ir-realtajiet juru kemm il-festa tal-Madonna tal-Abbandunati għandha rilevanza kbira llum il-ġurnata. “Hi festa li tfakkarna li Marija hi Omm il-bnedmin kollha”.

Il-bastiment Aquarius, b’629 immigrant abbord, wasal fil-port ta’ Valenzja fi Spanja llum, wara li dawn qattgħu disat ijiem fil-baħar. Dan il-każ qajjem kwistjoni fl-Ewropa dwar kif għandhom jissolvew sitwazzjonijiet simili tal-immigranti.