“M’huwiex iż-żmien li nissugraw billi nbiddlu d-direzzjoni” – Dr Lawrence Gonzi

Il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi saħaq li dan m’huwiex iż-żmien li l-poplu Malti u Għawdxi jirriskja l-istabbiltà u l-finanzi tal-pajjiż.

Waqt li kien qed jitkellem f’ Ta’ Giorni, t-Tnejn filgħaxija, Dr Gonzi sostna li kieku l-Partit Laburista kien elett fil-Gvern ħames snin ilu, kienu hu ma jafx x’kien isir fil-kriżi tal-Libja u agħar minn hekk kif kieku l-Partit Laburista mexxa l-pajjiż fiż-żmien tal-kriżi finanzjarja.

Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi sostna li s-suċċess fl-ekonomija sar sforz is-sagrifiċċji li għamel il-poplu Malti u Għawdxi kollu u għalhekk Dr Gonzi talab lill-elettorat sabiex jiżen sew u ma jissograx ibiddel id-direzzjoni.

Il-Prim Ministru żied jgħid li nhar is-Sibt li ġej, hekk kif tiftaħ il-votazzjoni, hu se jkun jaf li tul dawn il-ħames snin għamel li seta’ u għalhekk f’dak il-mument, il-pajjiż ikun f’idejn l-elettorat. Madanakollu, Dr Gonzi żied jgħid li tul dawn il-ħames snin rebħu l-familji u mhux il-Partit Nazzjonalista.