“M’hemmx post fil-Ministeru tal-Knisja għal min wettaq abbuż sesswali” – Franġisku

Waqt il-quddiesa ta’ kuljum fil-Kappella ta’ Casa Santa Marta fil-Vatikan, il-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ vittmi li ġew abbużati sesswalment u qal li m’hemmx post fil-Ministeru tal-Knisja għal min iwettaq abbużi sesswali.
Waqt l-omelija l-Papa Franġisku spjega li waqt li jħares lejn il-vittmi jiftakar fil-ħarsa li Ġesù ta’ lil Pietru wara li tradih.
Franġisku qal li bħal m’għamel ma’ Pietru, jħoss il-ħarsa ta’ Ġesù fuq il-Knisja waqt li jitlob “il-grazzja biex tibki u tikkoreġi lil uliedha li tradew il-missjoni tagħhom u abbużaw persuni innoċenti.”
Il-Papa Franġisku ddeskriva l-abbuż sesswali minn membri tal-kleru bħala sagrileġġ. Qal li l-vittmi kienu fdati f’idejn is-saċerdoti u r-reliġjuzi biex iwasluhom lejn Alla. Spjega li min abbuża pprofana x-xbieha t’Alla li fuqha il-bniedem kien maħluq.
Żied li l-abbuż sesswali jġib miegħu weġgħat u traġedji oħrajn fosthom is-suwiċidju. Qal li dan ikompli jpoġġi piż fuq il-kuxjenza tiegħu u tal-Knisja.
Il-Papa ddeskriva l-laqgħa li kellu mal-vittmi tal-abbuż sesswali bħala grazzja minn għand Alla biex “inħarsu lejn għajnejn xulxin u nfittxu l-grazzja tar-rikonċiljazzjoni.”
Fit-tmiem tal-omelija l-Papa talab lill-vittmi jaħfru lill-mexxejja tal-Knisja li mhux dejjem irrispondew kif xieraq għar-rapporti ta’ abbuż minn membri tal-kleru.
Qalilhom li meta sabu l-kuraġġ biex jgħidu l-verità taw xhieda tal-imħabba għax “xeħtu dawl fuq il-parti mudlama tal-ħajja tal-Knisja.” Wiegħed li jikkommetti lilu nnifsu biex qatt ma jittollera l-ebda ħsara fuq minorenni.