Aġġornata (2) “M’hemmx kunflitt ta’ interess fil-masterplan”

L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li se ssir reviżjoni tax-xogħol li għamlet il-kumpanija Mott MacDonald fl-abbozz tal-masterplan għal Paceville.
Dan hekk kif qiegħed jingħad li seta’ kien hemm konflitt ta’ interess peress li l-kumpanija kienet konsulent fil-proġett ta’ Mercurcy House f’Paceville stess.
Intant il-Gvern qal li ma kienx infurmat li seta’ kien hemm kunflint ta’ interess u li l-kumpanija infurmat lill-Awtorità tal-Ippjanar li min-naħa tagħha ma ħassitx li kien hemm il-kunflitt.
Dan ħareġ wara laqgħa bejn uffiċċjali tal-kumpanija mal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Il-kumpanija spjegat li l-konsulenza tagħhom fil-proġett ta’ Mercurcy House kien dwar inġinerija mekkanika fuq wieħed mit-torrijiet f’din il-binja u li dan sar minn fergħa tal-kumpanija.
Min-naħa tiegħu l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan iltaqa’ biex jevalwa l-masterplan.
Fi stqarrija saħaq li għandu jkun hemm konsultazzjoni ma’ min se jintlaqat minn dan il-proġett fosthom residenti u sidien ta’ ħwienet żgħar.
Il-Kunsill staqsa għaliex il-pjan qiegħed jabbanduna kull dritt taċ-ċittadini milli jgawdu l-proprjetà tagħhom.
Qal li l-pjan mhux jirrispetta l-leġislazzjoni dwar il-15-il metru spazju mill-foreshore.
Saħaq li huwa kontra r-riklamazzjoni tal-baħar. 
Intant il-Partit Nazzjonalista insista li l-masterplan għandu jkun rivedut biex jiġu mħarsa l-interessi ta’ kulħadd.
Min-naħa tagħhom il-Front Ħarsien ODZ u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi esprimew it-tħassib tagħhom fuq il-masterplan ta’ Paceville, b’mod partikolari fuq ir-riklamazzjoni tal-art.
Wieħed għandu ċans isemma’ leħnu dwar il-masterplan sal-25 ta’ Novembru.