M’hemmx ħabs fuq pussess wara emendi fil-liġi

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonniċi ħabbar fil-Parlament li fil-ġranet li għaddew, għall-ewwel darba, fil-Qrati Maltin ingħatat sentenza fejn persuna li nqabdet bil-pussess tad-droga għal użu personali ma ngħatatx sentenza ta’ ħabs wara li rriforma ruħu.
Il-Ministru qal li dan kien possibbli biss wara emendi li daħlu fis-seħħ sentejn ilu permezz ta’ reviżjoni fil-liġijiet tad-droga.
Il-Ministru Bonniċi kien qed iwieġeb mistoqsija supplimentari tad-deputat Nazzjonalista David Agius.
Fil-pajjiż bħalissa qed tidwi l-karba ta’ William Agius, żagħżugħ ta’ 31 sena li wara li ilu għaxar snin ħieles mid-droga, nhar it-Tnejn jista’ jeħel piena ta’ ħabs fuq proċeduri li ilhom għaddejjin għaxar snin fil-Qrati Maltin dwar pussess ta’ pilloli ecstasy.
Il-Ministru qal ukoll li kull sena l-Gvern jgħaddi l-flus kollha li jirċievi minn multi li jitħallsu fuq sentenzi ta’ pussess sempliċi tad-droga, lill-aġenzji Sedqa u Caritas kif ukoll lill-fondazzjoni OASI. Is-sena li għaddiet, dawn it-tliet entitajiet ngħataw bejniethom is-somma ta’ €70,000.