“M’hemmx ‘aljeni’ fis-siġar li se jitħawlu mill-Gvern” – Prof. Lanfranco

L-ispeċi ta’ siġar li se jitħawlu fiż-żmien li ġej mhumiex ta’ ħsara għall-ħabitat u l-ekosistema Maltija, għax ebda minnhom mhi aljena, ikkonferma professur mill-Università ta’ Malta.
Sandro Lanfranco, lettur anzjan fid-Dipartiment tal-Bijoloġija mill-Fakultà tax-Xjenzi qal lil Newsbook.com.mt li dawn l-ispeċi differenti ġejjin mill-Mediterran, u għalhekk mhumiex l-hekk imsejħa ‘tipi aljeni’ li fil-passat ikkawżaw ħsara lill-ambjent.
Fil-jiem li għaddew il-Ministeru għall-Ambjent ħabbar li se jiżra’ mat-8,000 siġra fi nħawi differentio f’Malta, bi 3,600 minnhom f’Kemmuna.
Fil-passat saru proġetti simili li fihom tħawlu siġar ‘aljeni’, ħafna minnhom eżotiċi, u ma ġiex ikkunsidrat l-impatt fuq l-ekosistema tal-madwar.
Ir-rapport tad-Direttorat għall-Ippjanar u l-Immaniġġjar Ambjentali dwar linji gwida għall-afforestazzjoni fil-ġżejjer Maltin, lura fl-2002, isemmi s-siġra tal-Akaċja u l-Ewkaliptu, li kienu tħawlu fuq massa kbira.
Fost oħrajn, dawn ma jħallux pjanti u arbuxelli oħra jikbru fil-madwar, u għalhekk jinħoloq dak li jissejjaħ ‘deżert ekoloġiku’.
Siġar oħra bħar-Riġnu (Ricinus communis) u s-Swaba’ tal-Madonna (Carpobrotus edulis) joktru u jinvadu nħawi fejn hemm ekosistemi lokali.
Il-Landscape Assessment Study of the Maltese Islands maħruġ mill-MEPA fl-2006 kien innota li fl-aħħar 20 sena l-awtoritajiet iffukaw aktar fuq it-tħaddir ta’ zoni urbani jew rurali, milli afforestazzjoni fuq skala nazzjonali.
Newsbook.com.mt kiseb mingħand il-Gvern il-lista ta' siġar li se jitħawlu fiż-żmien li ġej: 
Arbutus unedo
Atriplex halimus
Ceratonia siliqua
Cercis siliquastrum
Chamaerops humilis
Crataegus monogyna
Erica multiflora
Juncus acutus
Laurus nobilis
Myrtus communis
Nerium oleander
Olea europea
Phillyrea latifolia
Phlomis fruticosa
Pistacia lentiscus
Prunus dulcis
Punica granatum
Quercus coccifera
Quercus ilex
Rhamnus alaternus
Rosmarinus officinalis
Spartium junceum
Tamarix africana
Tetraclinis articulata
Teucrium fruticans
Vitex agnus-castus
Fir-ritratt ta' Leslie Vella: l-Għargħar, is-siġra nazzjonali