Aġġornata: M’hemm ħadd biex jinvestiga l-ilmenti dwar il-korruzzjoni – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Prim Ministru falla fil-wegħda tiegħu li jeqred il-korruzzjoni.
Fi stqarrija, il-PN qal li minkejja li t-terminu tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ntemm f’Novembru li għadda, sa issa l-Gvern għadu ma ħatarx membri ġodda fuq din il-Kummissjoni. Spjega li dan minkejja li l-Kummissjoni għadha qed tirċievi lmenti biex jiġu investigati.
Il-Partit Nazzjonalista jgħid li ilu jagħmel pressjoni fuq il-Gvern dwar dan, iżda disa’ xhur wara, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja baqgħu jinsistu li ma jaħtru lil ħadd fuq din il-Kummissjoni.
Sostna li dan it-tkaxkir tas-saqajn, qed iwassal għal allegati każi ta’ korruzzjoni li mhux qed jiġu investigati.
B'reazzjoni għal dan il-Gvern qal li f'temp ta' ftit xhur irnexxielu jwettaq riformi importanti u radikali favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Fi stqarrija, il-Gvern qal li mexxa 'l quddiem tliet liġijiet li baqgħu fuq l-ixkaffa għal kwart ta' seklu u li għandhom l-għan li jdaħħlu l-indafa politika.
Sadanittant, appella lil dawk li jafu b'xi każ ta' korruzzjoni, biex jirrikorru għand il-pulizija jew il-Maġistrat inkwerenti biex jittieħdu l-passi meħtieġa.