“M’għandna xejn, għalhekk neħtieġu kollox” – qassis mis-Sirja

“Bħalissa għandna bżonn kollox hawnhekk, m’għandna xejn u tlifna kollox”
Hekk kienet it-tweġiba ta’ Fr Ziad Halal mill-Aid to the Church in Need, meta ġurnalista staqsietu x’inhuma l-aktar affarijiet li jeħtieġu bħalissa n-nies fis-Sirja, partikularment il-Kristjani li spiċċaw fil-mira tal-ISIS.
L-intervista xxandret waqt il-programm Follow-Up fuq RTK, immexxi minn Sylvana Debono.
Fr Halal huwa stazzjonat f’Aleppo, waħda mill-aktar bliet ikkontestati u milquta mill-ISIS, sa mill-bidu tal-gwerra li issa ilha għaddejja 8 snin.
Il-ġlied li nqala’ bejn il-forzi tal-Gvern Sirjan, ir-ribelli ta’ kontrih u l-ISIS, ħallew qerda sħiġa fil-ħajja tan-nies komunin kollha, Musulmani u Kristjani wkoll, li huma fil-minoranza.
Din il-minoranza ġiet attakkata b’mod speċjali mit-terroristi tal-ISIS, ngħidu aaħna fil-Wesgħat ta’ Ninwè fl-Iraq.
Jirrimarka li ħafna mill-Kristjani li kien jaf qabel spiċċaw ħarbu lejn l-Ewropa u l-Kanada.
Fr Halal spjega kif fis-Sirja kollox tfarrak, inkluż il-qawwa tal-flus. Fiehem kif qabel ma bdiet il-gwerra, dollaru Amerikan kien jagħtik 45 lira Sirjana, iżda issa jiswa biss 5 liri Sirjani.
Dan kollu jfisser prezzijiet 10 darbiet ogħla, meta l-paga baqgħet l-istess.
L-għadd ta’ refuġjati żdiedu wkoll, kemm internament kif ukoll jiġu minn pajjiżi oħra.
“Ma nistgħux nissaportu aktar mingħajr dawl u ilma”
Jirrakkonta kif f’Aleppo ilhom 3 snin mingħajr dawl, u l-ilma jiġi għal bejn siegħa u sagħtejn biss kuljum.
Tul l-intervista enfasizza l-importanza li n-nies ikunu jistgħu jibqgħu joħorġu minn djarhom biex jagħmlu l-affarijiet essenzjali għalihom, ngħidu aħna jmorru x-xogħol.
Il-ġimgħa l-oħra Fr Joe Borg intervista soru Kristjana, li spjegatlu kif l-akbar biża’ li jċarrat fil-konxju u l-inkonxju tal-poplu qiegħed fin-nukleu familjari, jheddu li jkissru biċċiet.