M’għandix problema nuri l-avviż legali lill-KSU – Evarist Bartolo

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo saħaq li m’għandu ebda problema li juri kopja tal-avviż legali  l-ġdid dwar il-protezzjoni tad-data lill-KSU qabel ma jiġi ppublikat.
F’reazzjoni għal dak li qal il-KSU f’kummenti lil Newsbook.com.mt ilbieraħ, b’rabta mal-emendi li se jsiru fl-Avviż Legali 76, il-Ministru Bartolo insista li l-Università ta’ Malta kienet irrappreżentata, mhux mill-KSU, imma mill-entità li tieħu ħsieb l-istatistika tal-Università.
Evarist Bartolo spjega li l-avviż legali l-ġdid li se jkun qed jieħu post l-Avviż Legali 76, mhux se jkun qed jitfa’ l-affarijiet lura.
Saħaq li bl-emendi li se jsiru, l-affarijiet mhux se jmorru lura għal qabel ma ħareġ l-Avviż Legali 76.
Tenna li meta tħejja l-Avviż Legali 76, il-Kummissarju għal Protezzjoni tad-Data ma sab ebda oġġezzjoni u b’hekk l-avviż legali baqa’ għaddej. 
Il-Ministru spjega li l-avviż legali se jkun jinkludi żewġ dokumenti. Se jkun qed jinkludi l-avviż legali nniffsu kif ukoll dokument li jirregola kif jaħdem.