‘M’għandiex issir pressjoni biex anzjani u pazjenti jivvutaw’ – Il-Kummissjoni Elettorali

Il-Kummissjoni Elettorali fakkret lil dawk li jamministraw Djar tal-Anzjani u sptarijiet, li d-dokument għall-votazzjoni huwa propjetà tal-persuna li hu maħruġ f’isimha.

Għaldaqstant kull min ikun fil-pussess illeġittimu ta’ xi dokument għall-votazzjoni hu ħati ta’ reat.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali qalet li m’għandux ikun hemm ebda pressjoni fuq ir-residenti u pazjenti ta’ dawn id-Djar u Sptarijiet.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-amministraturi għandhom jiżguraw li fil-jum tal-votazzjoni jkun hemm aċċess liberu għal min ikun sejjer jivvota kif ukoll għall-persuni awtorizzati li ser iwassluhom sal-post tal-votazzjoni, jekk il-votanti nnifishom ikunu jridu hekk.