“M’aħniex se naċċettaw emendi diskriminattivi mill-Oppożizzjoni” – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern mhuwiex se jaċċetta l-emendi tal-Oppożizzjoni dwar iż-żwieġ gay jekk dawn ikunu emendi li jitfgħu f’kategorija oħra lill-persuni LGBTIQ.
Huwa qal dan waqt intervista dalgħodu fuq One Radio, meta kien mistoqsi dwar l-abbozz ta’ liġi fuq l-Att dwar iż-Żwieġ, li fost l-oħrajn tneħħi t-titli ‘mara’ u ‘raġel’, u ‘omm’ u ‘missier’.
Dr Muscat stqarr li ma kienx qed jistenna li jinqala’ dak li sejjaħlu paniku mindu tressaq l-abbozz tal-liġi fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda.
Irrefera għall-midja Nazzjonalista, u qal li donnu din qed tesprimi opinjoni kontra l-liġi taż-żwieġ gay, filwaqt li l-Oppożizzjoni ddikjarat li se tivvota favur.
Huwa staqsa għaliex hemm dan is-suppost nuqqas ta’ qbil bejn il-midja Nazzjonalista u l-Partit Nazzjonalista.
Semma l-interventi ta’ xi Membri Parlamentari Nazzjonalisti fil-Parlament li qalu li l-eżitu tal-vot jiddependi mill-emendi li jitressqu minnha u li finalment il-Gvern jaċċetta.
Dr Muscat qal li sal-lum l-emendi tal-PN għadhom ma tressqux. Minkejja dan, il-PM ikkummenta fuq dak li jaħseb li hija n-natura tal-emendi li l-PN se jressaqlu.
Sostna li l-emendi tal-PN se jkunu tali li jikkategorizzaw il-persuni LGBTIQ, jagħtu tabella lil dawn il-persuni sabiex ikun hemm differenza bejnhom u persuni oħra.
Il-PM saħaq li emendi simili jmorru kontra l-kunċett tal-ugwaljanza, u tenna li dawn mhux se jiġu aċċettati mill-Gvern. Saħaq li fuq l-ugwaljanza m’hemmx kompromessi.
Dr Muscat tkellem ukoll dwar il-proġett tal-akkomodazzjoni soċjali, li ntlaħaq bi ftehim bejn Malita Investments u żewġ banek Ewropej, il-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) u l-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB).
Dawn se jissarrfu, fi kliem Muscat, f’1,000 unit għal min verament għandu bżonn.
Dwar l-għeluq tal-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal li mhux se joqgħod jiftaħar, għax fi kliemu, il-fatti qegħdin hemm biex jarahom u jħosshom kulħadd.
Irringrazzja lil kull min b’xi mod għen biex il-presidenza tgħaddi b’wiċċ il-ġid, iżda rringrazzja b’mod speċjali lil dawk li għenu biex jakkumpanjaw id-delegazzjonijiet, bħax-xufiera u nies oħra.
Temm jgħid li, fi kliem il-mexxejja tal-isituzzjonijiet li żaru lil Malta, dawn il-persuni “Ħarġuna ta’ nies”.