Aġġornata: “M’aħniex komdi bit-tmexxija l-ġdida tal-Armata” – Dr Simon Busuttil

Il-Partit Laburista saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed ikun negattiv u iżolat minn dak li qed jiġri.

Dan b’reazzjoni għall-kummenti li Busuttil għamel dalgħodu, waqt djalogu fl-Uffiċċju tal-Partit Nazzjonalista fil-Mosta.

Il-Partit Laburista kkritika lill-PN li l-għada li sar policy seminar dwar it-turiżmu, s-sitt kelliema ta’ dalgħodu naqsu milli jsemmu proposta waħda ta’ kif dan is-settur jista’ jimxi ‘il quddiem.

Fl-aħħarnett il-PL saħaq li għall-ewwel darba fl-aħħar snin, il-PN qed jipprova jippolitiċizza s-settur tal-edukazzjoni wara li nqeda bl-istess settur biex jattakka lill-Gvern.

Aktar kmieni:

Waqt djalogu fl-Uffiċċju tal-Partit Nazzjonalista fil-Mosta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Simon Busuttil sostna li r-riżenji  tad-deputat kmandant u l-kmandant tal-Armata, li fi kliemu kienu l-iktar nies kwalifikati fl-armata, ġew skambjati b’nies li huma bażużli tal-Partit Laburista. L-oppożizzjoni tiddikjara li mhux ser tkun qed tagħti fiduċja lit-tmexxija tal-armata Maltija.

Dr Simon Busuttil jikkundanna l-appuntar tal-mara tal-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi bħala promotur ewlieni dwar l-investiment f’Malta ġewwa l-Ażja. Skont Dr Busuttil din il-ħatra ser tiġi tiswa lill-pajjiż elfejn ewro fil-ġimgħa minkejja li ser jorħos il-prezz tal-fuel fix-xhur li ġejjin.

Dwar il-każ John Dalli Dr Busuttil jgħid li l-Eks Kummissarju tal-Pulizija  John Rizzo kien ser iressaq lil John Dalli l-qorti. Dr Busuttil ifakkar ukoll li l-Eks kummissarju Rizzo nnifsu qal li qatt ma kien hemm indħil min-naħa tal-Partit Nazzjonalista sabiex John Dalli jitressaq l-qorti.  Jirriżulta fi kliem Dr Busuttil li fl-istess ġurnata li John Dalli ġie Malta inħatar Kummissarju ġdid tal-Pulizija Peter Paul Żammit. Il-Kap tal-Oppożizzjoni jakkuża lill-Kummissarju preżenti b’nuqqas ta’ koerenza għax fi kliemu daqqa jgħid li m’hemmx każ kontra John Dalli u daqqa jgħid li ma jistax jitkellem dwar dan il-każ minħabba li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet.

Huwa jistaqsi lill-Prim Ministru jekk huwiex komdu bl-appuntar tal-uffiċjali għolja ġodda fl-armata u jekk jinsabx komdu bl-appuntar tal-pożizzjoni l-ġdida tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Kien hawn li Dr Busuttil iddikjara li bħala rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista huwa ma jinsabx komdu li jafda l-armata u l-pulizija minħabba l-indħil politiku li seħħ fl-aħħar jiem li fi kliemu imur lil hinn mil-meritokrazija li kienet il-prietka tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali.