“M’aħna nċaħħdu ‘l ħadd milli jkollu t-tfal” – PN

Il-Partit Nazzjonalista ċaħad li qed ineħħi d-drittijiet ta’ koppji tal-istess sess milli jkollhom it-tfal permezz tal-mozzjoni li ressaq fil-Parlment, li tikkontesta l-avviż legali mressaq mill-Gvern ftit xhur ilu, li jiggarantixxi liv speċjali għal koppji għaddejjin mill-proċess tal-IVF.
Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li ressaq il-mozzjoni minħabba li hemm diskrepanza fid-definizzjoni ta’ “ġenitur prospettiv” fl-avviż legali mressaq mill-Gvern u fl-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, minħabba li d-definizzjoni f’dan tal-aħħar tinkludi lil koppji f’unjoni ċivili, li fl-avviż legali ma tidhirx.    
Fl-istqarrija, il-partit ċaħad li qed jipprova jneħħi d-drittijiet ta’ koppji tal-istess sess milli jkollhom it-tfal, iżda għall-kuntrarju, l-għan tal-Oppożizzjoni kien li jassigura li l-liġi attwali ma tiġix interpretata ħażin u tinkiser minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni.
Din kienet l-ewwel mozzjoni li l-Oppożizzjoni, permezz tal-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri u l-Whip tal-Grupp Parlamentari David Agius, ressqet taħt it-tmexxija tal-kap il-ġdid, Adrian Delia.