Luxol u Valletta fil-quċċata tal-Kampjonat Elite tal-futsal

Joe Borg

Valletta FC Futsal baqgħu fil-quċċata wara li l-Erbgħa filgħaxija kellhom taqtigħa tajba fir-rebħa ta’ 3-1 kontra t-tim tal-Università ta’ Malta.

Il-plejer Serb Dusan Rakic fetaħ l-iskor għall-Beltin wara biss disa’ minuti u qabel tmiem l-ewwel taqsima Kurt Bartolo għamilhom 2-0.

Fit-tieni taqsima l-Ġorġjan Gia Nikvashvili issiġġilla l-punti massimi għat-tim immexxi mill-kowċ Carlo Scicluna. Ftit tas-sekondi wara l-eks plejer ta’ Calletta Dylan Musú skurja l-gowl ta’ konsolazzjoni għall-Universitarji.

Intant Il-Ġimgħa filgħaxija kien hemm konfront tajjeb ieħor li fih Luxol St. Andrews telgħu huma wkoll fil-quċċata wara li għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 9-1. Għal Luxol din kienet l-ewwel logħba tagħhom wara l-parteċipazzjoni fir-rawnd prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League.

Għal Luxol għamel doppjetti Zvezdan Vukovic, Marwan Telisi, Carl Azzopardi u Leandersson Sant’Anna, flimkien mal-gowl ta’ Emil Raducu. L-uniku gowl għal Swieqi United wasal permezz ta’ Armando Djepali.

Riżultati mill-Amateur League

South Boys Futsal 2-5 Marsaskala Futsal

Qormi Futsal 4-8 Zurrieq Futsal

Klassifika (Amateur League)

Zurrieq Futsal 6; Luxol Team B 4; Swieqi United Team B 3; South Boys

Futsal 1; Marsaskala Futsal & Qormi Futsal 0.