Luxol ikomplu l-avventura tal-UEFA Futsal Champions League fi Praga

Fil-livell lokali, it-tim tal-Futsal Luxol St Andrews kiseb id-double bir-rebħ tal-kampjonat u tan-knock out. Fl-aħħar ġimgħat kienu impenjati fir-round preliminari tal-UEFA Futsal Champions League fi Tromso fin-Norveġja u ġew fl-ewwel post fil-grupp tagħhom. Nhar il-Ħamis li ġej, Luxol St Andrews se jkunu qed jieħu sehem fir-round ewlieni ta’ din il-kompetizzjoni fi Praga.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ltaqa’ mal-uffiċjali u l-players tat-tim tal-Futsal Luxol St Andrews waqt laqgħa li saret fil-Kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament. Delia feraħ lill-membri kollha tat-tim għar-riżultati prestiġġjużi li kisbu barra minn Malta u li għamlu unur għal Malta.

Waqt il-laqa Delia saħaq li ċ-ċokon ta’ pajjiżna m’għandu qatt ikun ta’ xkiel biex wieħed jimmira biex jikseb l-aqwa riżultati possibbli. Hu spjega kif is-suċċessi li kiseb it-tim tal-Futsal Luxol St Andrews huwa eżempju ta’ dan.

Tul din il-laqgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport Ryan Callus.