It-tfal Ewropej kif se jerġgħu lura lejn il-klassijiet fi żmien il-pandemija?

Read in English.

Wasal iż-żmien li l-iskejjel madwar l-Ewropa jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom wara l-vaganzi tas-sajf, u l-gvernijiet qed jinsistu li l-istudenti jerġgħu lura fil-klassijiet wara xhur ta’ tagħlim onlajn minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Pajjiżi differenti qed jadottaw diversi miżuri biex inaqqsu r-riskju ta’ infezzjoni fl-iskejjel. Dawn huma ftit eżempji:

IR-RENJU UNIT

L-iskejjel primarji fl-Ingilterra reġgħu fetħu fl-1 ta’ Ġunju, meta bdew il-lezzjonijiet għal ċerti etajiet. Studenti tal-iskejjel sekondarji li għandhom bejn 15 u 18-il sena reġgħu bdew fil-15 ta’ Ġunju. L-etajiet kollha reġgħu lura għall-ħin regolari ta’ lezzjonijiet din il-ġimgħa. Fl-Iskozja l-iskejjel fetħu mill-ġdid fil-11 ta’ Awwissu.

Studju reċenti li sar ma’ bosta skejjel Ingliżi juri li 96% tal-iskejjel qed jaqsmu lill-istudenti fi klassijiet iżgħar jew ‘bubbles’, fejn kull grupp iżomm distanza sikura minn gruppi oħra biex jiġi jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni. Il-maġġorparti qed jippjanaw li jibdlu l-ħin tal-brejk u jibdewh f’ħinijiet differenti, skont stħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali ta’ Kapijiet tal-Iskejjel.

Ir-regoli dwar il-maskri tal-wiċċ u apparat protettiv ieħor ivarjaw: studenti fis-sekondarja fl-Ingilterra huma obbligati li jilbsu maskra tal-wiċċ fi spazji komuni jekk fiż-żona tagħhom huma imposti miżuri ta’ lockdown. Fl-Iskozja, il-maskli huma obbligatorji fil-partijiet komuni tal-iskejjel.

FRANZA

L-iskejjel reġgħu fetħu fl-1 ta’ Settembru.

L-istudenti li għandhom aktar minn 11-il sena jridu jilbsu maskra tal-wiċċ il-ħin kollu, inkluż ġewwa. L-iskejjel iridu jnaqqsu t-taħlit ta’ gruppi ta’ klassijiet differenti, u jperrċu u jiddiżinfettaw il-klassijiet.

L-attendenza hija obbligatorja, għalkemm l-iskejjel jistgħu jadattaw it-tagħlim jekk ikun hemm żieda qawwija fl-infezzjonijiet lokali tal-coronavirus, billi, pereżempju, jillimitaw l-attendenza għal ftit ġranet jew ġimgħat. Fil-każ ta’ tifqigħa reġjonali, l-iskejjel jistgħu jagħlqu għal ftit żmien.

Fil-kindergarten, it-tfal li huma fl-istess grupp ta’ klassi m’għandhomx josservaw distanza soċjali. Skejjel primarji jistgħu jaqsmu l-klassijiet fi gruppi ta’ bejn tmienja u 15-il student li jalternaw il-ħin – nofstanhari fil-klassi u tagħlim mid-dar. Fl-iskejjel sekondarji, l-istudenti kollha jridu jattendu l-iskola tal-anqas ftit ġranet kull ġimgħa.

L-ITALJA

L-iskejjel f’bosta reġjuni huma ppreparati li jiftħu l-bibien fl-14 ta’ Settembru. Il-miżuri biex tiġi mnaqqsa l-infezzjoni għadhom qed jiġu finalizzati.

Bħala miżura ta’ distanza soċjali, it-tfal se jidħlu l-iskejjel f’ħinijiet differenti, u se jiġu introdotti skrivaniji ġodda ta’ persuna waħda fil-ġimgħat li ġejjin. Il-maskri se jkunu obbligatorji għal kull minn jidħol u joħroġ mill-iskola, imma dawn jistgħu jitneħħew matul il-lezzjonijiet jekk ikun hemm distanza sikura bejn l-iskrivaniji.

Ċerti skejjel sekondarji li għandhom klassijiet akbar se jużaw taħlita ta’ tagħlim onlajn u fil-klassi biex jipprevjenu numri kbar ta’ studenti fl-istess klassi. Il-gvern qabel li jipprovdi aktar fondi biex iżid it-trasport pubbliku, sabiex it-tfal ikunu jistgħu jaslu l-iskola b’mod sikur.

Jekk student jew għalliem ikunu infettati, huma l-kapijiet tal-iskola flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa li għandhom jiddeċiedu jekk jagħlqux l-iskola kollha, il-klassi biss, jew jimponux kwarantina fuq il-persuni involuti direttament.