Lura l-Qorti wara li nħeles mill-arrest fuq 4 każijiet

Raġel li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat fuq diversi każijiet fosthom ta’ qtil, ġie akkużat li huwa t-tielet persuna li allegatament daħal jisraq anzjana fil-Belt Valletta. Huwa tressaq il-Qorti t-Tnejn filgħodu wara li żewġ persuni oħra tressqu l-Qorti fil-jiem li għaddew.

Ara: Jitressaq il-Qorti wieħed mill-grupp li daħlu jisirqu minn dar ta’ anzjana fil-Belt

Ara: Akkużat li kien parti mill-grupp li serqu l-anzjana fil-Belt

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima ma tatx il-ħelsien mill-arrest lil-Libjan ta’37 sena. Fil-Qorti l-Ispetturi li qed imexxu l-każ spjegaw kif anzjana ġiet misruqa fid-dar tagħha fil-Belt Valletta minn tliet persuni. Huma kienu qed iġorru sikkina mingħajr liċenzja.

Il-Libjan ġie arrestat it-Tnejn li għadda f’appartament fl-Imsida u ttieħed l-isptar fejn ingħata kura psikjatrika. Huwa ġie rrilaxxat mill-Isptar Monte Karmeli wara li nstab tajjeb li jista’ jitressaq il-Qorti.

L-Ispetturi spjegaw li r-raġel kien meħlus mill-arrest erba’ darbiet, fost dawn il-każijiet huwa qed jiġi akkużat bi qtil li seħħ f’Mejju 2018. L-ammont totali ta’ garanziji personali huwa ta’ iktar minn €96,000.

Għall-akkużi miġjuba kontrih ir-raġel wieġeb mhux ħati madankollu ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest min-naħa tad-difiża. Min-naħa tagħha l-Maġistrat ordnat lid-direttur tal-ħabs biex isir eżami mediku u jingħata l-kura kollha meħtieġa.