Lura l-Qorti l-pazjent b’mard fil-kliewi

It-tim tad-difiża tal-każ tar-raġel li għadu maqful il-ħabs minkejja li għadda minn trapjant tal-kliewi, qal li mhux se jkun qed jitlob lill-Prim Imħallef Silvio Camilleri sabiex jirtira mill-każ.
F’April li għadda, Christopher Bartolo, raġel ta’ 36 sena mill-Fontana ingħata s-sentenza ta’ ħames snin ħabs u multa ta’ €15,000 mill-qorti kriminali wara li wieġeb ħati li ttraffika 1.5kg cannabis.
It-talba għall-pleġġ ma ġietx aċċettata minkejja li r-raġel għandu saħtu dejjem sejra lura.
Għaldaqstant, l-avukati tad-difiża fetħu kawża konstituzzjonali fejn saħqu li r-raġel kellu dritt għal smigħ xieraq hekk kif ma tħalliex ikollu miegħu avukat waqt li kien qed jiġi interrogat mill-pulizija.
L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima li kienet qed tisma’ l-każ, kienet iddikjarat li Bartolo kellu jingħata smigħ ġust u għaldaqstant tagħtu ċ-ċans li jbiddel ir-risposta tiegħu wara li ammetta li kien ħati tat-traffikar tad-droga.
Kien hawn meta l-Avukat Ġenerali ħareġ appell kontra l-ġudizzju tal-Imħallef Padovani Grima li wassal għas-smigħ tal-kawża llum.
Il-Prim Imħallef Camilleri qiegħed jippersjedi wkoll fuq l-Appell Ġudizzjarju tal-Qorti Kriminali li kien bagħat lil Bartolo ħames snin ħabs.
F’Diċembru, it-tim tad-difiża kien kiteb ittra lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca sabiex jitlobha tippermetti l-pleġġ hi fuq previżjoni speċifika tal-Kodiċi Kriminali.
Il-proċediment tal-appell mistenni jkompli aktar tard dan ix-xahar.