Lura l-Qorti fi ftit ġimgħat wara li ġibed €41,000 minn bank

Uffiċjal ta’ Identity Malta tressaq il-Qorti akkużat li kiser waħda mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imponuti fuqu mill-Qorti f’seduta seġarata.
L-istess ħaddiem ta’ Identity Malta kien tressaq il-Qorti kmieni dax-xahar akkużat bi mmaniġġjar ħażin ta’ flus, frodi u  falsifikazzjoni ta’ dokumenti, liema offiżi ggravaw ruħhom meta tqies li huwa uffiċjal pubbliku.
Dakinhar kien ingħata l-ħelsien mill-arrest, u waħda mill-kundizzjonijiet kienet li l-assi tiegħu ġpew iffriżati.
Madankollu llum fil-Qorti nstema’ li dakinhar stess ir-raġel mar ġibed €20,000 mill-bank, u t-Tnejn ta’ wara ġibed €21,000 oħra.
L-Ispettur Priscilla Caruana xehdet kif ilbieraħ stess, ir-raġel ipprova jagħmel tranżazzjoni simili mill-bank, iżda ma tħalliex jagħmilha għax il-bank ġie nnotifikat bl-iffriżar tal-assi tiegħu.
L-avukat tar-raġel argumenta li dan kien żball ġenwin tal-akkużat, u ma kellux f’moħħu li jikser il-liġi, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat billi qalet li r-raġel kien jaf x’qed jagħmel għax kieku ma kienx jgħaddi l-flus miġbuda għand ħaddieħor biex iżommhomlu, kif fil-fatt għamel.
L-akkużat irritorna €36,500 lura lill-Qorti f’envelopp, jiġifieri €4,500 inqas minn kemm ġibed.
Intant, avukata oħra tal-akkużat saqsiet għala l-bank dam biex jiġi mgħarraf li l-assi tal-klijent tiegħu kienu ffriżati.
L-uffiċjal ta’ Identity Malta ngħata l-ħelsien mill-arrest, iżda tpoġġew fuqu kundizzjonijiet eħrex, fosthom il-ħlas immedjat ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Ritratt: Arkivji