Lura għax-xogħol? 15-il parir għall-uffiċċju

Unsplash

L-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ħareġ linji gwida dwar proċeduri li għandhom jittieħdu fl-uffiċini, hekk kif il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju se jiġu rilaxxati aktar miżuri infurzati waqt il-pandemija tal-coronavirus.

  • Kull filgħodu għandha tiġi ċċekkjata t-temperatura tal-impjegat qabel ma jidħol fil-binja. Dawk b’temperatura ta’ 37.2 jew iktar m’għandhomx jitħallew jidħlu.  Min ikollu temperatura għolja jew sintomi simili għal tal-influwenza għandu jibqa’ d-dar sakemm ikollu konferma mit-tabib li jista’ jirritorna għax-xogħol.  
  • Distanza ta’ mill-inqas żewġ metri bejn persuna u oħra. Ħaddiem wieħed għal kull erba’ metri kwadri.
  • Jekk din id-distanza mhix possibbli, irid jiġi installat perspex jew jintlibsu maskri u visors il-ħin kollu.
  • Kull ħaddiem għandu jkollu d-desk personali tiegħu. Hot-desking huwa projbit. Id-desk trid titħalla żbarazzata ħalli tkun tista’ titnaddaf.
  • Il-ħaddiema mħeġġa li jaħslu idejhom ta’ spiss bl-ilma jew hand sanitiser b’70% alkoħol. Hand sanitisers u antibacterial wipe għandhom jitpoġġew f’kull uffiċċju.
  • Tagħmir li jintuża minn persuni differenti għandu jitnaddaf regolarment, speċjalment qabel jgħaddi minn persuna għal oħra.
  • In-numru ta’ ħaddiema fl-uffiċċju fl-istess ħin għandu jinżamm minimu. Jibqa’ inkoraġġit xogħol mid-dar fejn possibbli biex jiġi evitat kuntatt wiċċ imb wiċċ. Persuni vulnerabbli għandhom ikollhom l-għażla li jaħdmu mid-dar.
  • Dipartimenti differenti m’għandhomx jitħalltu ma’ ħaddiema f’dipartimenti oħra, lanqas fil-break. Il-kċina għandha tiġi sanitizzata wara kull grupp ta’ persuni, li għandu jkollhom distanza ta’ żewġ metri bejniethom.
  • Laqgħat wiċċ imb wiċċ m’għandhomx jieħdu iktar minn 15-il minuta.
  • Tnaqqis kemm jista’ jkun ta’ klijenti, kuntratturi u deliveries li jidħlu fil-binja. Dawn għandhom jilbsu maskra jew visor.  Kemm jista’ jkun dawn għandhom jużaw imejls minflok karti biex titnaqqas l-interazzjoni soċjali. Jekk tintuża pinna din trid tiġi diżinfettata dritt wara.
  • Iridu jitwaħħlu sinjali u posters biex ifakkru lill-ħaddiema jħaddnu l-miżuri li jwaqqfu l-imxija
  • Il-post tax-xogħol irid jitnaddaf u jiġi diżinfettat regolarment. Pumijiet, kmamar tal-banju, imwejjed u siġġijiet, buttuni tal-lift, printers li jintużaw minn iktar minn persuna waħda għandhom jiġu diżinfettati ta’ spiss matul il-ġurnata.  Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-switches, locks, viti, flushing u s-seat tat-toilet.
  • It-twieqi u l-bibien għandhom jitħallew miftuħin. L-airconditioning jintuża bil-bibien u t-twieqi miftuħa ħalli jdawwar arja ġdida. Il-flaps tal-airconditioning għandhom ikunu fid-direzzjoni tas-saqaf. Il-filters għandhom jitnaddfu tajjeb u jinżammu nodfa. L-extractors għandhom jitnaddfu kull ġimgħa.
  • Jekk tivvjaġġa għax-xogħol bi trasport pubbliku, taxi jew ma’ xi ħadd ieħor, ilbes maskra jew visor. Vetturi tal-kumpanija għandhom ikunu mgħammra b’sanitizers, paper towels u boroż tal-iskart.  M’għandux ikun hemm aktar minn tliet persuni fil-vettura. Dawn il-vetturi għandhom jitnaddfu regolarment, speċjalment jekk jintużaw minn persuni differenti.
  • Għandu jkun hemm persuna fit-tim responsabbli għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, biex min ikollu diffikultà jkellem lilha.

Sintomi tal-Covid-19:

  • deni
  • sogħla
  • uġigħ fil-griżmejn
  • qtugħ ta’ nifs
  • uġigħ ta’ ras
  • għejja
  • uġigħ fil-muskoli
  • nuqqas ta’ togħma u xamm
  • remettar
  • dijarea

Tista’ taqra d-dokument sħiħ tal-linji gwida għall-uffiċini hawn

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn