Lura għan-normalità imma n-normalità tagħna spiċċat 3 xhur ilu – bint Miriam Pace

Facebook: Ivana Portelli

Read in English.

Ivana Portelli qalet li filwaqt li Malta qed tmur lura għan-“normalità”, in-normalità tal-familja tagħha spiċċat tliet xhur ilu meta ommha, Miriam Pace, spiċċat mirduma fid-dar tagħha fil-Ħamrun.

Fuq Facebook, Ivana Portelli appellat lin-nies biex ma jinsewx dak li ġara “għax dak li sar dakinhar ma kienx normali”.

Il-pajjiz qed jerga' lura ghan-"normalita'" imma in-normalita' taghna spiccat 3 xhur ilu 💔Ma ninsewx dak li gara ghax dak li sar dakinhar ma kienx normali. ❤️🌺

Posted by Ivana Portelli on Tuesday, June 2, 2020

Fi stqarrija maħruġa llum, l-għaqda Repubblika qalet li sal-lum għadu ma sar xejn biex ma jmutx ħaddieħor.

“Kulma kellna kienu paroli vojta u kumitati li s’issa ma swew għalxejn,” qalet Repubblika.

L-għaqda fakkret kif il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed li se jsiru l-bidliet li hemm bżonn però qalet li ma sar xejn.

“Jidhrilna li jkun ferm aħjar jekk Dr Abela jagħmel xi ħaġa biex il-ħajja tan-nies tkun protetta minflok jiġri jaħfer il-multi ta’min poġġa lill-ħaddieħor fil-periklu billi kiser il-liġi li għamel hu stess,” qalet Repubblika. Żiedet tgħid li tispera li m’hemmx min hu b’saħħtu li qed iżomm lil Abela milli jieħu l-passi biex ma jmutux aktar nies.

Traġedja Ħamrun: Ħaddiem wissa lil ieħor biex iżomm ħalqu magħluq

Ħaddiem Malti wissa lil ħaddiem barrani li kien qed jaħdem miegħu biex iżomm ħalqu magħluq malli ġġarrfet il-binja li fit-tiġrif tagħha tilfet ħajjitha Miriam Pace, mara ta’ 54 sena.

F’Mejju bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ erba’ persuni b’rabta mat-traġedja li ġrat fil-Ħamrun f’Marzu li għadda.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qed jippresiedi l-każ, li fih qed jitressqu l-qorti l-perit tal-proġett ta’ 36 sena residenti r-Rabat, is-Site Technical Officer (perit) ta’ 72 sena residenti l-Gżira, il-kuntrattur ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u ħaddiem ta’ 42 sena residenti l-Imqabba. Huma mixlija li bi traskuraġni kkaġunaw il-qtil ta’ Miriam Pace u li kkaġunaw ħsara fuq proprjetà privata fost akkużi oħra. Ix-xahar li għadda huma nħelsu mill-arrest.


Il-Partit Nazzjonalista kien sejjaħ biex issir inkjesta pubblika dwar l-inċident.

Konkluż ir-rapport tal-kumitat dwar il-liġijiet tal-kostruzzjoni – Abela

Il-kumitat tekniku li nħatar mill-PM Robert Abela biex issir reviżjoni tal-liġijiet tal-kostruzzjoni lesta r-rapport tiegħu.

Abela ħabbar dan fit-23 ta’ Aprill.

“Il-kumitat ikkonkluda r-rapport tiegħu,” ħabbar Abela li żied jgħid li l-messaġġ tiegħu mhuwiex favur il-kostruzzjoni bla rażan. Però qal li dan huwa settur importanti speċjalment fi żmien meta s-settur tat-turiżmu ntlaqat mill-pandemija tal-coronavirus.