Lura għall-Belt; Jissoktaw il-protesti għall-ġustizzja

Miguela Xuereb

Read in English.

32 xahar wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet b’bomba li tqiegħdet fil-karozza tagħha, l-attivisti se jerġgħu jagħmlu attività sabiex ifakkruha quddiem il-mafkar tagħha fil-Belt Valletta wara li dawn l-attivitajiet ta’ kull xahar kellhom jieqfu minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Fuq Facebook, l-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice, flimkien mal-attivist Manuel Delia, organizzaw attività sabiex in-nies illejla jinġabru quddiem il-mafkar tal-ġurnalista fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir quddiem il-qorti fis-7.30pm.

Huma kitbu li wara dak li ħareġ fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju, ilbieraħ, wasal iż-żmien li huma jerġgħu jiltaqgħu sabiex titfakkar il-ġurnalista, u titkompla l-ġlieda għall-verità u l-ġustizzja. Wara s-smigħ tal-bieraħ, ġiet ordnata investigazzjoni fuq l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, peress li fil-qorti nstema’ li huwa għadda informazzjoni lil Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, dwar meta l-pulizija se jagħmlulu rejd.

Min jattendi l-attività huwa mitlub jilbes maskra jew visor u jżomm id-distanza, minħabba l-imxija tal-virus. Fix-xhur li għaddew, din l-attività kienet qiegħda ssir online.

“Il-korruzzjoni virus; waqqfu l-imxija”

Intant, l-attivisti ta’ Occupy Justice lbieraħ inġabru quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt Valletta b’tabella li tgħid li l-korruzzjoni hija virus, u l-imxija għandha titwaqqaf. Huma kitbu fuq Facebook li mistagħġbin kif Malta rnexxielha tiġġieled virus qattiel u mhux magħruf bħall-Covid-19, iżda ma rnexxilhiex tiġġieled il-korruzzjoni li infettat lill-istituzzjonijiet.

Argumentaw illi kulma jmur, il-korruzzjoni donnha qed tiżdied peress li l-Prim Ministru Robert Abela qed jara li jkun hemm kontinwità mill-Gvern tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat. L-attivisti qalu illi l-istess Joseph Muscat li hu responsabbli għal din il-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet huwa konsulent għall-Prim Ministru.

Issoktaw jistaqsu għaliex iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, ma ġiex arrestat minkejja li ismu dejjem jissemma fil-proċeduri fil-qorti b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista. Sostnew li kellhom raġun in-nies li ħarġu jipprotestaw għat-tkeċċija tal-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta u tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li wkoll qegħdin jissemmew ta’ sikwit fil-qorti.

L-attivisti staqsew ukoll dwar l-eks Ministru Konrad Mizzi, u kif dan ma ġiex mistoqsi dwar il-ftehim “maħmuġ u korrott” tiegħu, l-aktar dwar il-kuntratt tal-power station u tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet lil kumpaniji privati.

Temmew jgħidu li ladarba l-Prim Ministru qal li Malta għandha tirritorna għal normalità totali, il-protesti għandhom jerġgħu jibdew isiru, għaliex jeħtieġ li jkun hemm salvagwardja tad-demokrazija.

PRESS RELEASEJune 15, 2020CORRUPTION IS A VIRUS – STOP THE SPREADThirty-two months ago, Daphne Caruana Galizia was…

Posted by Occupy Justice Malta on Monday, June 15, 2020