Lura fis-snin qabel it-Tieni Gwerra Dinjija

Mill-Ħadd 5 ta’ Lulju fit-8.20pm l-Istazzjon Net se jerġa’ jxandar Is-sensiela Ħażen u Mrar li sseħħ fis-snin ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija f’raħal Malti ta’ bdiewa u sajjieda bil-kultura, l-ambjent tar-razzett Malti, il-beraħ tal-kampanja u l-ġmiel ta’ baħar li jdawwar lil din il-gżira.  Ta’ Interess huwa l-fatt li d-djalogar f’din Is-sensiela huwa bid-djalett.

Miktuba minn Tania Bartolo f’din is-sensiela jieħdu sehem Mariella Schembri, Warren Caruana, Theresa Gauci, Gwido Fenech, Michael  Tabone, Margaret Agius, Simone Debattista, Aaron Grech, Frans Zahra, Tania Bartolo, Melanie Vella u Lino Grech.

Id-direzzjoni viżiva kienet ta’ Sharon Calleja li kienet kitbet l-iskript ta’ Rubini, li wkoll se tkun qed tixxandar mill-ġdid matul ix-xhur tas-sajf.

Tania Bartolo u Sharon Calleja

Ir-raħħala li mis-sbieħ tal-ġurnata sad-dlam kienu jaħdmu l-għelieqi tagħhom u s-sajjieda li kienu dejjem jiġġieldu mal-ħalel tal-baħar biex iwasslu għajxien lill-familji tagħhom.

Ġamri, li kien ħabib ta’ Ġużeppi, kien għadda xi raba’ lil Ġużeppi biex jaħdmu hu.  Iżda issa li Bertu, iben Ġamri beda jikber, Ġamri ħass li għandu jieħu lura r-raba’ li kien misluf għand Ġużeppi. 

Dan l-aġir Ġużeppi jinterpretah bħala vendikazzjoni u hawn jibda diżgwid bejn iż-żewġ familji. Il-mibegħda.  Il-vittmi ta’ din il-mibegħda.  L-imħabba safja ta’ żewġ żgħażagħ, il-qerq u l-inganni, l-ilsien ħażin ta’ min xogħlu hu li dejjem isib it-tibna f’għajn ħaddieħor, il-ġibda lejn is-sesswalità huma ingredjenti oħra li jagħmlu din l-istorja tassew interessanti.

Is-snin igerrbu u wara 12-il sena mill-argument ta’ bejn Ġamri u Ġużeppi wieħed kien jistenna li l-ġamar sa jintefa’.  Imma jsir bil-maqlub. 

Bin Ġamri, Bertu, jitfa’ għajnejh fuq Katrin, bint Ġużeppi. Iżda Gużeppi, li kien il-veru padre padrone, ma jaċċettax anzi jhedded lil Bertu li jekk jaqbdu jħares lejn bintu kien jgħallih. Tant tkun kbira l-mibegħda ta’ Ġużeppi lejn il-familja ta’ Ġamri li saħansitra twasslu li jagħmel rapport falz lill-Pulizija u Bertu jkun arrestat. 

Fl-istorja jidħlu wkoll Dun Krispin, il-kappillan u Kola s-sagristan tiegħu li flimkien ma’ Kolina joħolqu laqtiet umoristiċi biex itaffu xi ftit mis-serjetà tal-istorja.