Lura fil-Kumitat tal-LGBT wara li tissolva tal-immigranti

Wara li matul ix-xahar li għadda ħarġu diversi NGOs mill-Kumitat Konsultattiv tal-LGBT, minħabba l-pożizzjoni ta’ push back li kien ħa l-Gvern fir-rigward tal-immigranti irregolari, il-Ministru għad-Drittijiet Ċivili Helena Dalli ltaqgħet mar-rappreżentanti ta’ dawn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

F’mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Ministru Dalli, hija qalet li fil-laqgħa li kellha mar-rappreżentanti, dawn qalu li wara li tkun riżolta din il-kwistjoni, huma beħsiebhom ikomplu jagħtu s-sehem tagħhom lill-Gvern.

Dan għax iħossu li kif il-Gvern qed jiġġieled għad-drittijiet ċivili ta’ persuni b’orjentazzjonijiet sesswali differenti, għandu bl-istess mod jirrispetta l-immigranti.

Minn naħa tagħha, il-Ministru Dalli sostniet li flimkien iridu jkomplu jimxu fit-triq li qabdu biex kull persuna, hi min hi, jkollha d-dinjità tagħha.

Fost l-NGOs li rtiraw mill-Kumitat Konsultattiv tal-LGBT hemm l-organizzazzjonijiet Aditus u Drachma.