Lulju b’rekord ta’ xemx

Ix-xahar ta’ Lulju kien aktar imdawwal minn qatt qabel.
Dan hekk kif Lulju ġab miegħu aktar minn 365 siegħa xemx.
Stqarrija maħruġa mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta turi li t-temperaturi tal-arja u tal-baħar kienu ogħla min-norma klimatika, b’sigħat itwal ta’ xemx u aktar riħ.
It-temperatura medja tal-arja kienet ta’ 27.7°C, jiġifieri 1.1°C ogħla min-norma, filwaqt li l-medja tal-baħar qabżet it-temperatura mistennija ta’ 24.7°C b’1.3°C.
Fl-24 u l-25 ta’ Lulju l-baħar kien pjuttost sħun, hekk kif it-temperatura tiegħu laħqet is-27°C.
Min-naħa l-oħra, l-aktar jum sħun tax-xahar kien it-13 ta’ Lulju, meta t-temperatura sparat għal 38.7°C. Għalkemm din it-temperatura hija waħda għolja, kienet 4°C aktar baxxa mill-ogħla temperatura għal-Lulju mniżżla fir-rekords meteoroloġiċi, li ntlaħqet fl-1988.
Il-jiem sħan ta’ Lulju kienu akkumpanjati minn bosta sigħat ta’ xemx, u kopertura tas-sħab marġinalment aktar baxxa mis-soltu ta’ 0.8 oktas.
L-ewwel weekend tax-xahar kien partikolarment imdawwal, peress li kemm is-Sibt u kemm il-Ħadd ix-xemx ħarġet għal 12.9 sigħat. Anki l-aktar jum griż tax-xahar kien imdawwal mhux ħażin u gawda minn aktar minn seba’ sigħat ta’ xemx.
Il-veloċità medja tar-riħ għax-xahar kienet 0.8 knots ogħla mis-6.8 knots mistennijin, b’buffura massima ta’ 33 knot imkejla fil-25 ta’ Lulju. Fl-istess jum, ġew osservati r-ragħad u s-sajjetti mill-Uffiċċju Meteoroloġiku. Filwaqt li ġie mkejjel ammont żgħir ħafna ta’ xita – 0.01mm, ma jidhirx li niżlet nida tul ix-xahar ta’ Lulju.