Lulju aktar sħun mis-soltu

Ix-xahar ta’ Lulju kien aktar sħun mis-soltu, b’temperatura medja ta’ 26.6 grad celsius, jiġifieri żieda ta’ 0.7 gradi.

L-ogħla temperatura f’Lulju kienet irreġistrata nhar it-Tnejn li għadda, hekk kif it-temperatura laħqet is-37.5 gradi celsius. Madanakollu, f’Lulju 1988, it-temperatura anke laħqet it-42.7 gradi matul Lulju.

L-inqas temperatura matul Lulju kienet ta’ 18.4 gradi celsius u kienet irreġistrata fit-tieni jum tax-xahar.

Matul is-seba’ xahar tas-sena, ir-rata ta’ xemx kienet ta’ 11.7 sigħat liema rata hija normali għal dan iż-żmien tas-sena.

L-Uffiċċju Meterjoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fakkar dwar il-bżonn sabiex il-pubbliku jagħti każ l-indiċi tar-raġġi UV.