Lulju 2013: Iktar minn 150,000 turist f’lukandi u residenzi f’Malta

Matul Lulju li għadda kien hemm żieda ta kważi 4% fin-numru ta’ turisti u persuni li qagħdu f’lukandi u residenzi oħra ta’ akkomodazzjoni f’Malta. B’kollox kien hemm 152,444 persuna.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ġiet ukoll irreġistrata żieda fin-numru ta’ ljieli li ammonta għal aktar minn miljun lejl.

Minkejja dawn iż-żidiet, kien hemm tnaqqis fl-iljieli li t-turisti qattgħu fil-lukandi ta’ erba’ u ħames stilel.

Dan għal kuntrarju tal-lukandi ta’ żewġ u tlett stilel li kellhom żieda ta’ 25% u 12% rispettivament.

Ir-rata medja tal-iljieli kienet ta’ kważi sebat iljieli.

F’Lulju kien hemm 159 stabbiliment tal-akkomodazzjoni b’iktar minn 41,000 sodda.