Luke Chappell b’kanzunetta ma’ dar tad-diski internazzjonali

Luke Chappell

Sa minn meta għamel isem permezz tal-programm X-Factor Malta, il-kantant żagħżugħ Luke Chappell ħareġ żewġ singles li spikkaw u għamlu suċċess, ‘Head in the Clouds’ u ‘Human’ li komplew juru t-talenti tiegħu kemm bħala artist u kif wkoll awtur ta’ kanzunetti.

Dawn iż-żewġ singles ġibdu lejhom eluf ta’ ammiraturi kemm lokalment imma wkoll ammiraturi internazzjonali. F’perjodu qasir, ‘Head in the Clouds’ irreġistrat aktar minn 300,000 stream fuq Spotify.

Matul dawn is-sentejn li għaddew Luke Chappell kien ukoll nominat għax-xogħol u l-kisbiet tiegħu f’kull avveniment lokali marbut ma’ dan il-ġeneru ta’ arti: kien nominat għal-‘L-Aħjar Artist Maskili tas-Sena’, ‘L-Aħjar Kanzunetta tas-Sena’ u ‘L-Aħjar Prestazzjoni Mużikali’ fost nominazzjonijiet oħra. Meta wieħed jikkunsidra li Luke għad għandu biss 17-il sena, dawn il-kisbiet jippromettu sew li dan il-kantant, kif jingħad, “is set to take the music industry by storm” – se jidħol fl-industrija tal-mużika u jispikka.

L-imxija tal-pandemija bidlet ħajjitna lkoll u poġġiet il-ħajja ta’ kulħadd f’ċikostanzi differenti – anké fil-qasam mużikali din wasslet biex ħafna mill-artisti kellhom jieħdu pawsa min-normalità tagħhom li jikkrejaw u joħorġu kanzunetti fis-suq. Madankollu Luke Chappell flimkien mat-tim tiegħu ħadmu biex minn din is-sitwazzjoni joħorġu l-pożittiv. Dan wassal biex Dar tad-Diski bbażata f’Los Angeles tefgħet attenzjoni fuq Luke u l-Erbgħa 30 ta’ Settembru ħarġet debut single b’kollaborazzjoni mat-tim Chappell.
Is-single il-ġdida ta’ Luke Chappell ‘Lonely Again’ hija mistennija li tkun alternattiva pop li żgur li għandha tiġbed l-attenzjoni internazzjonali f’dawn il-ġimgħat li ġejjin.